Ftit inqas minn 4,000 student illum bdew isegwi kors fl-Universita’ ta’ Malta, hekk kif it-Tnejn bdiet uffiċjalment is-sena akkademika 2017-2018.
2,696 se jkunu qed isegwu korsijiet għall-ewwel kwalifika filwaqt li 1,216 se jibdew korsijiet post-graduate. In-numru mistenni jiżdied hekk kif l-uffiċċju tad-dħul qed jipproċessa applikazzjonijiet ta’ studenti li għaddew mill-eżamijiet f’Settembru li għadda.
B’kollox, iktar minn 11,700 persuna se jkunu qed isegwu 942 kors f’livelli varji offruti mill-Universita’ ta’ Malta, 58% minnhom huma nisa. Fost dawn hemm ukoll 929 student barrani minn 102 pajjiżi mifruxa madwar id-dinja.
Is-sena akkademika bdiet b’ċerimonja fis-sala Sir Temi Zammit fejn l-istudenti ġodda kienu milqugħha mir-Rettur, il-Professur Alfred Vella u l-istaff akkademiku.
It-tema għal din is-sena, u li dwarha iffoka d-diskors tiegħu il-Professur Vella, hi: Sfida l-għarfien, sibu tweġibiet ġodda permezz tar-riċerka.
Ir-Rettur tal-Universita’ sostna li r-riċerka m’għandhiex issir biss biex tindirizza l-ħtiġijiet immedjati tal-industrija iżda għandha tirrifletti l-ispirtu tal-Universitajiet moderni; li l-għarfien hu xi ħaġa li għadu mhux skopert għal kollox u li din l-iskoperta qatt ma tispiċċa.
Il-Professur Vella feraħ lill-istudenti ġodda u awguralhom fl-avventura ġdida tagħhom li għandha tkun bilanċ bejn studju, riċerka u involviment sħiħ fil-ħajja universitarja.
Wara ir-Rettur fetaħ uffiċjalment Freshers Week u aktar tard matul il-ġurnata żaritha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li ltaqgħet ma’ diversi studenti fosthom dawk li se jibdew l-ewwel sena fl-Universita’ Malta.
Ma’ l-istudenti tal-Universita’ ta’ Malta bdew anke l-istudenti tal-Junior College li b’kollox ġodda hemm 867 student u studenta. B’hekk studenti jattendu l-Junior College hemm 1940.
//= $special ?>