Fl-ewwel seduta tal-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra dalgħodu kien diskuss il-proċess li bih il-Kap tal-PN Adrian Delia jkun co-opted fil-parlament bħala Deputat u bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Kumitat kien presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. Il-Gvern kien rappreżentat mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, mill-Whip Laburista Byron Camilleri u mid-deputat Edward Zammit Lewis waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-Deputat Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament Mario de Marco u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
David Agius qal li għada it-Tlieta ssir l-elezzjoni każwali għall-post fil-parlament wara r-riżenja tad-deputat Nazzjonlaista Jean Pierre Debono fejn kandidat tal-PN jsir deputat ġdid. L-intenzjoni hi li d-deputat il-ġdid jitkellem għal ftit ħin fil-Kamra biex wara l-PN jagħmel il-co-option tal-Kap tal-PN Adrian Delia. Hu mifhum issir mozzjoni mill-Prim Ministru fis-seduta tal-Erbgħa. L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex il-co-coption issir l-għada.
L-Ispeaker qal li jekk is-Sedja għada f’xi ħin tirċievi r-riżultat uffiċjali tal-elezzjoni każwali u dan ikun iffirmat mill-Kummissjoni Elettorali, dakinhar stess jittieħed il-ġurament tal-membru elett. Biex issir il-co-option l-Erbgħa jrid ikun hemm ftehim li din issir mill-ewwel.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-gvern mhux se jfixkel il-proċess li jrid isir skont il-proċeduri.
//= $special ?>