L-inizjattiva li ħa l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni biex kull sena jitħejja dokument ta’ qabel il-budget ġiet milqugħa b’mod pożittiv ħafna minn kulħadd ħlief mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Id-dokument ta’ qabel il-budget tal-Partit Nazzjonalista jagħti ħarsa dettaljata lejn l-ekonomija u l-finanzi tal-Gvern, u huwa intiż biex iwessa’ d-diskussjoni fuq dawn it-temi importanti. Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata minn Mario De Marco, Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament.
Żied jgħid li Joseph Muscat, flokk xtarr l-analiżi dettaljata li hemm f’dan id-dokument, reġa’ għażel, bħalma għamel fis-sentejn li għaddew, li għal darb’oħra jkun negattiv. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-importanza tal-messaġġ ewlieni tat-tielet dokument ta’ qabel il-Budget, li hu li hemm bżonn isir sforz ikbar biex il-ġid ekonomiku jitqassam aħjar fis-soċjetà.
Il-Partit Laburista pprova jagħti l-impressjoni li l-ħaddiema li qed jidħlu mal-Gvern huma kollha fis-settur edukattiv jew tas-saħħa. Mhux minnu. Li kieku dan kien il-każ, kieku l-Gvern kien isib lill-Partit Nazzjonalista jappoġġjah. Imma l-verità hi li l-Gvern, matul din is-sena, kompla jżid in-nefqa pubblika li tmur ferm lil hinn minn dak li qal Muscat.
Il-Gvern Laburista ipprova jagħti l-impressjoni ukoll li mhux vera żdiedu t-taxxi f’pajjiżna, anke jekk ċifri tal-Gvern stess juru l-kuntrarju. It-taxxa tas-sissa, taxxa li jħallasha kulħadd, żdiedet fuq l-iktar prodotti essenzjali u li jintużaw kuljum.
Joseph Muscat lanqas ma kien korret f’dak li qal fuq it-talbiet għall-akkomodazzjoni soċjali. Fl-aħħar tal-2012, l-Awtorità tad-Djar kellha 2,773 każ pendenti għal akkomodazzjoni alternativa. Fl-aħħar tal-2016, it-talbiet pendenti quddiem l-Awtorità tad-Djar telgħu għal 3,503, żieda ta’ 26%.
//= $special ?>

