Lokali

“Jekk l-Awtoritajiet ma jaqdux id-doveri tagħhom, il-ġustizzja lanqas biss tista tibda” – il-Prim Imħallef

Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri
"Il-Pulizija għandha d-dmir li tfittex il-provi u tiġborhom tempestivament u tippreservahom sabiex tressaqhom quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji. Jekk dan ma jsirx, il-ġustizzja anqas biss tista' tibda," tenna l-Prim Imħallef.

“Il-Qrati huma l-aħħar ħolqa għall-ħarsien tas-Saltna tad-Dritt, iżda jekk l-awtoritajiet li għandhom f’idejhom l-inizzjattiva ma jaqdux id-doveri tagħhom, il-Qrati ma jistgħu qatt jaqdu d-doveri tagħhom u l-ġustizzja lanqas biss tista’ tibda.”

Kliem il-Prim Imħallef Silvio Camilleri meta indirizza il-ftuħ tas-sena forensi fil-Qrati tal-Ġustizzja. Id-diskors tiegħu, l-aħħar wieħed li għamel fil-kariga hekk kif iktar tard is-sena d-dieħla jirtira bl-eta’, kien iffukat fuq is-Saltna tad-Dritt (The Rule of Law).

“Il-Pulizija għandha d-dmir li tfittex il-provi u tiġborhom tempestivament u tippreservahom sabiex tressaqhom quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji. Jekk dan ma jsirx, il-ġustizzja anqas biss tista’ tibda,” tenna l-Prim Imħallef. L-istess għall-Avukat Ġenerali li ngħata s-setgħa li jmexxi l-prosekuzzjoni ta’ persuni li kontra tagħhom jinġiebu l-provi. “Għal ċertu reati gravi, l-Avukati Ġenerali ingħata ċertu setgħat ta’ investigazzjoni u fejn il-pulizija tonqos, allura r-responsabbilta’ taqa’ fuqu iżda jekk azzjoni ma ttieħidx, allura għal darb’oħra l-ġustizzja ma tistax tibda.”

Il-Prim Imħallef saħaq ukoll dwar l-integrita’ tal-individwu. “Nistgħu naħsbu għal sistema alternattivi u naraw barra minn Malta x’hemm maħsub, iżda dejjem u kullimkien, kull sistema tiddependi fuq l-integrita’ tal-persuni fdati biex iħaddmuha. Fin-nuqqas, niġu rinfaċċjati b’montatura, b’faċċata ta’ distrazzjoni u aljenazzjoni u mingħajr sustanza.”

Hu kompla li s-Saltna tad-Dritt trid li jkun hemm il-piena għal kull min jikser il-liġi, jekk ikun hemm il-piena għal uħud iżda mhux għal oħrajn, allura l-Qrati ma jibqgħux iktar amministraturi tal-ġustizzja, iżda jsiru amministraturi tal-inġustizzja.

Il-Prim Imħallef qal li s-Saltna tad-Dritt mhux kunċett astratt tal-Avukati iżda jolqot il-ħajja ta’ kuljum. M’hu xejn inqas mis-sisien ta’ stat demokratiku modern. “Dan l-aħħar saret kważi moda li meta ssir kritika kif ċertu nies jitħallew jiksru l-liġi bla rażan jgħidulek ‘għax kulħadd irid jiekol’. Iżda għalhekk hemm is-Saltna tad-Dritt, biex verament kulħadd jiekol u mhux biss il-prepotenti u dawk li jiġu jaqgħu u jqumu mill-liġi.” sostna l-Prim Imħallef Silvio Camilleri.

Hu semma eżempji bħal encroachments illegali fuq bankini u bajjiet, karozzi li jostakolaw iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, u bini kontra l-liġi li jkerrah l-ambjent u jagħlaq l-aċċess għad-dawl u l-arja.

Il-President tal-Qrati wissa li hu meħtieġ li s-Saltna tad-Dritt tkun imħarsa minn kull tnaqqir għaliex it-tnaqqir, iwassal eventwalment għat-tiġrif.

Iktar kmieni, il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler ilmenta dwar kif għaddew għaxar snin u l-liġi li tirregola l-professjoni tal-Avukati għadha fuq l-ixkaffa. Filwaqt li jibqa’ bit-tama li l-liġi għad tara d-dawl tax-xemx, l-Avukat George Hyzler ħabbar li l-Kamra tal-Avukati se ddaħħal b’mod gradwali, il-miżuri maħsuba fl-abbozz maqbul tal-liġi bħala kriterji għas-sħubija fil-Kamra tal-Avukati.

Fid-diskors tiegħu, l-Avukat Hyzler irrefera għall-bidliet fil-Kostituzzjoni li wasslu għat-twaqqif ta’ Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura. Hu tenna l-pożizzjoni tal-Kamra tal-Avukati li qalet li dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba iżda mhux biżżejjed. Dan għaliex ir-responsabbilta’ tal-ħatra baqgħet għal kollox f’idejn il-Gvern tal-ġurnata  u l-Kumitat ma jiddeċidiex  min għandu jinħatar iżda jista’ biss – u dan sa ċertu punt – jimblokka min fil-fehma tiegħu, m’għandux il-kwalifiki biex jiġi maħtur.

Hu qal ukoll li hemm inċertezza dwar l-istruttura tal-eżami tal-warrant biex Avukat ikun jista’ jipprattika. Barraminhekk, ma jagħmilx sens li l-eżami ikun unikament marbut mal-prattika fil-Qrati iżda għandu jkollu wkoll doża qawwija ta’ etika.

Dwar il-Court Attorneys, li jassistu lill-Imħallfin fl-abbozzar tas-sentenzi, George Hyzler qal li dan kien esperimenti pożittiv u għandu jiġi esplorat jekk il-kunċett għandux ikun estiż ukoll għall-Qrati tal-Maġistrati. Madanakollu, il-Kamra tal-Avukati tesprimi tħassib dwar il-fatt li dawn jinħatru bħala position of trust meta jista’ jkun hemm mistoqsijiet dwar l-indipendenza, imparzjalita’ u konflitt ta’ interess. “Wieħed jistaqsi kemm jagħmel sens li teżisti proċedura li bih Imħallef jiġi rekuż iżda ma teżistix u ma tistax teżisti proċedura simili fil-konfront ta’ Court Attorney“, tenna l-President tal-Kamra tal-Avukati.