Hekk kif illum tibda sena skolastika ġdida f’numru ta’ istituzzjonijiet edukattivi fil-livell post sekondarju u terzjarju, l-Partit Nazzjonalista jixtieq jawgura lill-edukaturi u lill-istudenti kollha. Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Commodini Cachia sellem lill-edukaturi kollha li jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-istudenti u jawgura lill-istudenti sena ta’ impenn lejn l-istudji tagħhom.
Iż-żmien fil-livell post sekondarju u terzjarju huwa mhux biss żmien ta’ studju, iżda anke żmien fejn jiġi xprunat il-ħsieb tal-istudenti li għandhom diversi opportunijiet sabiex jipparteċipaw ukoll f’għaqdiet volontarji. Il-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-għaqdiet volontarji hija ta’ importanza kbira u għalhekk matul din is-sena, l-Partit Nazzjonalista jixtieq jara żieda f’din il-parteċipazzjoni li tippermetti lill-istudenti sabiex huma wkoll jipparteċipaw f’dak li jkun qiegħed jiġi mfassal u deċiż għalihom. Fl-istess ħin, hemm ukoll bżonn ta’ aktar rikonoxximent għal din il-ħidma tal-istudenti.
Kull istitut edukattiv post sekondarju u terzjarju huwa importanti għall-Partit Nazzjonalista u għalhekk matul din is-sena jixtieq jara li l-indipendenza fit-tmexxija u fl-implimentazzjoni tal-programmi li huma joffru tiżdied sabiex huma jkunu jistgħu jissaħħu anke fil-ħidma tagħhom ‘il bogħod minn indħil dirett jew indirett mill-amministrazzjoni tal-ġurnata.
Illum mhix biss ġurnata importanti għal studenti li bdew l-istudju tagħhom f’dan il-livell jew qegħdin ikomplu l-istudji tagħhom, iżda wkoll għal mijiet ta’ studenti oħra li qed jagħżlu li jkomplu l-istudji tagħhom wara pawża ta’ snin.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem ukoll lil dawk l-istudenti li fl-aħħar jiem, għażlu li jħallu pajjiżna biex ikomplu jistudjaw barra minn Malta, kif ukoll lil dawk li minkejja li jibqgħu jgħixu f’pajjiżna, qegħdin jipparteċipaw f’korsijiet f’Universitajiet barra minn Malta.
//= $special ?>

