Iċ-champion dinji tal-100 metru Justin Gatlin mhux wieħed minn dawk l-atleti li għamluha fil-lista finali tan-nominati għall-unur tal-aqwa atleta maskili għas-sena 2017. Din hi sorpriża hekk kif l-aħħar li champion dinji jew Olimpiku tal-100 metru ġie eskluż mil-lista tan-nominati kien lura fl-2004.
Ironikament, dakinhar kien ukoll Gatlin li ġie eskluż mil-lista, anke jekk dik is-sena kien rebaħ il-midalja tad-deheb waqt l-Olimpjadi li kienu saru fil-belt ta’ Ateni fil-Greċja.
F’Awwissu li għadda Gatlin kien ħasad lid-dinja meta fil-Kampjonati Mondjali li saru f’Londra kien għeleb lill-isprinter Ġamajkan Usain Bolt li kien qed itellaq għall-aħħar darba fil-karriera tiegħu.
Gatlin, li fil-passat skonta sospensjoni minħabba li kien instab pożittiv għad-doping kellu wirja mill-aqwa u kif qasam il-linja finali numru kbir ta’ partitarji bdew isaffrulu.
Wara t-tellieqa hu kien esprima d-diżappunt tiegħu u qal li hu jħobb l-isport u dak li għamel fil-passat kien biss żball.
Filwaqt li Gatlin ġie eskluż, fil-lista wieħed isib lill-atleta mir-Renju Unit Mo Farah li f’Londra rebaħ it-tellieqa tal-10,000 metru. L-atleta mill-Afrika t’Isfel Wayde van Niekerk hu wieħed mill-akbar sfidanti ta’ Mo Farah għar-rebħ tal-unur wara li matul is-sajf li għadda rebaħ it-titlu tal-400 metru f’Londra.
Ir-rebbieħa tal-unur kemm tal-kategorija tal-irġiel u dik tan-nisa jitħabbru f’serata f’Monaco nhar l-24 ta’ Novembru.
In-nominati huma:
Irġiel: Mutaz Essa Barshim; Pawel Fajdek; Mo Farah; Sam Kendricks; Elijah Manangoi; Luvo Manyonga; Omar McLeod; Christian Taylor; Wayde van Niekerk u Johannes Vetter.
Nisa: Almaz Ayana; Maria Lasitskene; Hellen Obiri; Sally Pearson; Sandra Perkovic; Brittney Reese; Caster Semenya; Ekaterini Stefanidi; Nafissatou Thiam u Anita Wlodarczyk.