Il-gowlkiper żagħżugħ Matthew Castillo se jkun qed jidħol f’fażi oħra tal-karriera tiegħu fil-Waterpolo hekk kif matul l-istaġun tax-xitwa se jkun qed jilgħab fis-Serbja fuq il-kotba ta’ Partizan Belgrade mat-tieni tim tagħhom Banjica. Dan it-trasferiment seħħ grazzi għal Slobodan Nikic, il-plejer Serb li dan l-istaġun lagħab ma’ Exiles.
Bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, Castillo kellu esperjenza barra minn Malta, meta grazzi għal plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri, kien qed jitħarreġ ma’ Ortigia. Matthew Castillo se jħalli Malta l-Erbgħa li ġej u se jkun qed jitħarreġ mat-tim ewlieni ta’ Partizan Belgrade u jilgħab ma’ Banjica, tim li jilgħab fil-Lega A tas-Serbja fejn l-istaġun li għadda spiċċaw fit-tielet post.
Il-gowlkiper kien ingħaqad ma’ Exiles għal din is-sena b’self, u ftit tal-jiem ilu ffirma kuntratt ta’ erba’ snin mal-klabb. Fl-ewwel staġun regolari tiegħu fil-kampjonat Premier, hu għen lil Exiles biex jiksbu l-ħames post b’rekord tal-klabb ta’ 14-il punt, fil-50 sena anniversarju tal-klabb.
Matthew Castillo tkellem ma’ din is-sit fejn ta l-ewwel kummenti tiegħu. “Se tkun esperjenza sabiħa immens li se nkun qed nitħarreġ ma’ wieħed mill-aqwa kowċ tal-gowlkipers li hawn fil-preżent fl-ewropa li hu Radojko. Partizan hu tim serju fejn se jkolli bejn darbtejn u erba’ darbiet taħriġ kuljum, b’tal-anqas darba kuljum mat-tim ewlieni ta’ Partizan. L-għan tiegħi hu li nitjieb u naqbeż il-livell lokali, kif ukoll li nġib lura Malta dak li nkun tgħallimt biex inkun nista’ ngħin lil żgħażagħ oħrajn.”
Il-President ta’ Exiles Andrew Paris ikkonferma dan it-trasferiment u qal li din hi opportunità biex Castillo jitħarreġ taħt l-aqwa kowċis biex jibqa’ juri titjib fil-logħob tiegħu.
Castillo hu biss l-aħħar żagħżugħ sa issa minn sensiela ta’ plejers żgħażagħ fil-Waterpolo, li qed iħallu pajiżna biex jilagħbu f’kampjonati u pajjiżi aktar ta’ livell minna.
//= $special ?>


