Id-difensur ta’ Barcelona Gerard Pique offra li jirtira mit-tim nazzjonali Spanjol jekk kemm-il darba xi nies jaħsbu li hu problema għat-tim wara li fi tmiem il-ġimgħa wera l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza ta’ Katalonja.
Uffiċjali f’Katalonja qalu li weġġgħu tal-anqas 460 persuna wara li l-Pulizija użat il-forza biex twaqqaf il-votazzjoni fir-referendum għall-indipendenza tar-reġjun mill-kumplament ta’ Spanja.
Dan meta l-Gvern Spanjol ħalef biex iwaqqaf ir-referendum li kien iddikjarat illegali mill-qorti kostituzzjonali tal-pajjiż.
Intant, il-pulizija għamlet li setgħet biex il-Katalani ma jivvutawx, fost il-ħtif ta’ dokumenti u kaxxi tal-voti fl-istazzjonijiet għall-votazzjoni. Fil-belt ta’ Barċellona, il-kapitali ta’ Katalonja, il-pulizija użaw il-lembubi fuq in-nies waqt li sparaw balal tal-gomma fost protesti favur ir-referendum.
Il-Gvern reġjonali Katalan u d-dipartiment tas-saħħa fir-reġjun, intant, qalu li ‘mijiet daħlu l-isptar jew f’ċentri tas-saħħa biex ikunu trattati għall-ġrieħi li ġarrbu’.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Intern Spanjol sostna li weġġgħu talanqas 11 il-pulizija tiegħu fl-inċidenti waqt ir-referendum. Dan meta numri kbar ta’ pulizija nazzjonali u membri tal-Guardia Civil kienu ntbagħtu lejn Katalonja biex iwaqqfu l-votazzjoni milli ssir.
Pique qal li hu lest jirtira mit-tim nazzjonali wara li ntemmet il-partita tal-Ħadd kontra Las Palmas, logħba li Barcelona lagħbu bi protest b’bibien magħluqa u li rebħu bi skor ta’ 3-0.
“Kienet l-agħar esperjenza tiegħi bħala plejer.
Għamlu dak kollu li setgħu biex iwaqqfu l-logħba milli tintlagħab. Jien għalija mhux problema biex nkompli ma’ Spanja iżda jekk il-bord jaħseb li jien problema nitlaq mit-tim nazzjonali qabel l-2018. Hemm ħafna nies li ma jaqblux b’dak li ġara fi Spanja u li jemmnu fid-demokrazija.”
Barcelona ħadu d-deċiżjoni li jilagħbu bil-bibien magħluqa 25 minuta qabel bidet il-logħba u dan fisser li eluf ta’ partitarji baqgħu barra.
//= $special ?>