Lokali Parlament

Prijorità għall-vjolenza domestika,id-dijabete u s-saħħa mentali

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista u Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li l-vjolenza domestika, id-dijabete u s-saħħa mentali huma pirjorità fis-soċjetà għaliex jeħtieġ li jkun hemm azzjonijiet, bidliet u riformi f’dawn is-setturi.

Fl-Aġġornament tat-Tnejn, Claudette Buttigieg tkellmet dwar ir-rwol ta’ Deputat Speaker u qalet li hi għażlet tliet setturi li se tiffoka fuqhom; il-vjolenza fuq in-nisa, id-dijabete u s-saħħa mentali. Hi qalet li l-issue tal-vjolenza hi importanti ferm fejn f’pajjiżi Afrikani hemm persuni li qed jaħarbu minn pajjiżhom anki għax jibżgħu għal ħajjithom.

Hi sellmet lil Dar Merħba Bik fejn hemm realtajiet diffiċli li jseħħu f’Malta. Il-vjolenza fuq in-nisa hi problema tas-soċjetà ġenerali. F’Dar Merħba Bik hemm nisa b’uliedhom u bi qraba oħra għax is-sitwazzjoni tkun tant diffiċli fid-djar li l-familja titħarbat.

Claudette Buttigieg qalet li din id-dar qed toffri kenn u sens ta’ komunità fejn in-nisa jwettqu diversi impenji tul il-ġurnata. Hi sellmet ukoll lis-sorijiet li jmexxu din id-dar fejn in-nisa jkollhom sitt xhur jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet id-diffikultajiet li jkollhom in-nisa li jitilqu minn djarhom b’uliedhom u b’xejn iktar. Hi appellat biex il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għad mhix attwata minħabba li sarux il-bidliet fil-liġijiet. Jeħtieġ li jkun hemm diskussjonijiet ġodda mal-partijiet u l-entitajiet involuti għaliex mhux kollox japplika għal kulħadd fosthom dwar min għandu jitlaq mid-dar.

Aspett ieħor importanti hu l-faqar li jiffaċċjaw dawn in-nisa minħabba li dan hu faqar reali. Fost dawn hemm il-kera ferm ogħlja tal-appartamenti, li qed tolqot faxex kbar ta’ nies fosthom l-anzjani. Problema oħra hi l-prostituzzjoni li qed twassal għal vjolenza fuq il-mara. Il-Gentlemen’s Clubs ma joffru l-ebda rispett lejn in-nisa, sostniet Claudtete Buttigieg.

Dwar id-dijabete, id-deputat Nazzjonalista qalet li kien hemm żviluppi fil-każi ta’ Type 2 iżda fadal aħfna li jrid isir. Jidher li mhux qed ikun hemm konsultazzjoni biżżejjed mal-esperti fis-settur għalkemm trid issir konsultazzjoni oħra mal-familji u l-pazjenti. Problema oħra hi l-labar li jintużaw u l-meter li jużaw it-tfal biex jiċċekkjaw id-demm.

Fis-saħħa mentali għad hemm taboo kbir fejn jidher li llum l-Isptar Monte Carmeli marret lura. Jirriżulta li hemm problema kbira ta’ tmexxija f’Monte Carmeli.

Dwar il-kanċer tas-sider, Claudette Buttigieg qalet li l-Europadonna u l-Action for Breast Cancer qed iwettqu ħidma kbira f’dan is-settur.