Aġġornata
Stqarrija maħruġa mill-Gvern ikkonfermat l-istorja ta’ NET News, fejn żdied jintqal li sajjetta kkawżat ħsarat tekniċi fl-apparat tal-kumpanija.
Għadaqstant, bħala prekawzzjoni, twaqqaf b’mod temporanju l-operat tal-ajruplani li jgħaddu minn fuq l-ispazju tal-ajru Malti sakemm issolviet il-problema.
L-istqarrija qalet li s-sistemi tal-Malta Air Traffic Services ġew lura għan-normal u l-operat qed jerġa’ jinnormalizza ruħu.
Aktar kmieni…
L-ajruport jinsab wieqaf hekk kif ħsara teknika fit-torri tal-kontroll affettwat u qed taffettwa numru kbir ta’ titjiriet.
NET News jinsab infurmat li l-ħsara żviluppat fis-sistema tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, u b’konsegwenza, numru ta’ titjiriet minn Malta se jittardjaw.
Fost it-titjiriet li dalgħodu ġew delayed hemm titjira lejn Skopje, li kellha titlaq fit-8.25am. Titjiriet oħra li kellhom jitilqu bejn it-8.30am u d-9am huma lejn Gatwick, Munich u Ruma.
Naturalment, il-ħsara affettwat ukoll titjiriet lejn Malta. Fost oħrajn, titjira tar-Ryanair minn Ruma li kellha tasal Malta fit-8.25am miflok kellha tbiddel ir-rotta, bil-piloti jingħataw struzzjonijiet biex jinżlu Palermo fi Sqallija. L-aħħar titjira li għamlet inżul Malta kienet minn Palermo ftit qabel it-8 ta’ dalgħodu.
Sadanittant, NET News qed jistenna kummenti uffiċjali mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Mhux magħruf kemm se jdumu għaddejjin it-tiswijiet.
Għamel kuntatt magħna fil-kummenti t’hawn taħt jekk int milqut bl-iżviluppi ta’ dalgħodu.