Lokali

FILMAT: Il-prijorità tiegħi hi li nirbħu l-Elezzjoni Ġenerali – Adrian Delia

Waħda mill-prijoritajiet tiegħi bħala Kap tal-Partit hi li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja mhux biss biex jgħid rebaha imma billi jkun gvern alternattiv b’viżjoni. Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien intervistat fil-programm Dissett fuq l-istazzjon tal-istat Tvm, ippreżentat minn Reno Bugeja.

Mistoqsi dwar x’se jagħmel fl-ewwel 100 jum tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mingħajr dubju ta’ xejn hemm l-impenn tal-Oppożizzjoni li tara li fil-budget għas-sena d-dieħla jkun hemm oqsma ġodda għall-ekonomija u fuq kollox tassigura li s-surplus li l-gvern qed jgħid li l-ekonomija qed tagħmel, ikun imqassam għand kulħadd mhux fil-but ta’ uħud biss.

Adrian Delia spjega kif bla dubju ta’ xejn l-Oppożizzjoni se tibqa’ kostruttiva bil-proposti tagħha se tibqa’ tiġġieled għall-governanza tajba fil-pajjiż. Kien hawn fejn għamel referenza għall-Kummissarju tal-Pulizija u qal li l-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex aktar tenibbli.

Meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien mistoqsi dwar il-persuni li qed jikkritikawh u dawk li diġa’ ġġudikawh, hu wieġeb li persuna ma’ tistax tiġġudikah jekk qatt ma tkun tkellimt miegħu filwaqt li tenna li diġa’ qed jaħdem biex bi djalogu magħhom iressaqhom dejjem aktar lejn il-Partit Nazzjonalista.

Spjega anke kif in-negattivita li uħud qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista għaddej minnha m’hu veru xejn.

Waqt il-programm hu rringrazzja anke lill-ex deputat nazzjonalista Jean Pierre Debono li ċeda s-siġġu tiegħu biex hu jkun jista’ jkun co-opted bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Hu ddeskriva l-ġest ta’ Debono bħala ġest nobbli politiku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem anke dwar l-ewwel laqgħa li kellu l-ġimgħa li għaddiet mal-grupp parlamentari Nazzjonalista.