Ferrari huma fiduċjużi li l-gearbox ta’ Sebastian Vettel fil-Grand Prix tal-Malasja, tista’ terġa’ tintuża u jevitaw penalità ta’ postijiet fil-Grand Prix ta’ din il-ġimgħa fil-Ġappun.
Sky Sport fl-Italja qalu li l-investigazzjoni inizjali taw rispons pożittiv, u t-tim iddeċieda li se jipprova l-gearbox fl-aħħar sessjoni ta’ prattika s-Sibt, biex jieħdu d-deċiżjoni finali.
Vettel ammetta li jista’ jkun hemm sorpriża ħażina oħra għal tmiem il-ġimgħa, bin-naħa ta’ wara tal-karozza ssofri ħsara estensivi fil-ħabta stramba ma’ Lance Stroll, fid-dawra li twassal biex jidħlu fil-pits wara li t-tiġrija tkun spiċċat.
Jekk Vettel ma jirtirax minn aktar tiġrijiet, il-gearbox ta’ Sepang trid tintuża għall-aħħar ħames tiġrijiet, biex jevita penalità ta’ ħames postijiet.
Għalhekk Ferrari jridu joqogħdu attenti jekk ikomplux bl-istess gearbox biex jevitaw il-penalità f’Suzuka, jew jibdlux għal waħda ġdida biex inaqsu r-riskju ta’ problemi li jista’ jkollhom fit-tiġrija.
It-tamiet ta’ Vettel li jirbaħ il-kampjonat, ħadu daqqa ta’ ħarta wara li fl-aħħar xahar, il-Ġermaniż spiċċa 34 punt wara Lewis Hamilton. Rebħiet li kienu ftit mistennija fil-Grand Prix ta’ Singapore u l-Malasja, ħarbu minn idejn il-Ferrari, bi problemi fil-magni li telfu mhux ftit lis-sewwieqa tagħhom.
Iżda bil-Mercedes jesperjenzaw ftit nuqqasijiet fil-prestazzjonijiet, Ferrari jibqgħu ottimisti li jistgħu jirkupraw fl-aħħar xahrejn tal-istaġun, hekk kif qed jippruvaw itemmu n-nixfa ta’ diċenju fir-rebħa tal-kampjonat tas-sewwieqa.
“Naħseb li l-kwistjonijiet tekniċi huma taħt kontroll imma l-ġimgħa l-oħra ma rnexxilniex. Hi ħasra li t-tnejn li aħna kellna tmiem il-ġimgħa diffiċli. Ma nafx jekk kienx hemm l-istess problemi imma ċertament ma kienx ideali li tirtira karozza s-Sibt u oħra l-Ħadd. Hemm xi ħaġa li rridu nifhmu. Sa issa kellna rekord pjuttost pożittiv fuq affidabbilta, għalhekk mhux inkwetat, imma rridu negħlbu l-problemi li għandna,” qal Vettel.
//= $special ?>