Futbol Sport

FUTBOL SPANJOL – Barcelona jistgħu jħallu l-La Liga

Il-klabb ta’ Barcelona jista’ jħalli l-kampjonat Spanjol, jekk il-Katalunja jieħdu l-Indipendenza minn ma’ Spanja.

Il-President tal-klabb Josep Maria Bartomeu saħaq dan it-Tnejn li għadda, fejn qal li l-klabb u l-membri ta’ Barcelona jridu jiddeċiedu f’liema kampjonat jilagħbu jekk iseħħ dan ix-xenarju.

It-tim Katalan lagħab bil-bibien magħluqa l-Ħadd li għadda fin-Nou Camp, meta għeleb lil Las Palmas 3-0.

Il-mottiv wara din id-deċiżjoni kienet bħala sinjal ta’ protesta kontra Spanja talli użaw il-forza biex ma jħallux lil votanti milli jieħdu sehem f’referendum sospiż biex jiddeċiedu l-futur tar-reġjun.

Aktar minn 840 ruħ kellhom bżonn l-attenzjoni medika wara li l-pulizija ġġieldet ma’ uħud minn dawk li pruvaw jipparteċipaw fil-vot kontroversjali, li l-gvern Spanjol qal li hu illegali.

“F’każ ta’ Indipendenza, il-klabb u l-membri jiddeċiedu f’liema kampjonat irridu nilagħbu,” qal Bartomeu wara laqgħa tal-bord. Bartomeu kompla jgħid li bħalissa għaddejjin minn mument diffiċli u komplikati u qal li se jirrispettaw dak li jista’ jiġri fil-futur.

Il-Ministru tal-Isport Katalan Gerard Figueras qal il-ġimgħa l-oħra li Barcelona jistgħu jilagħbu f’pajjiż ieħor jekk ir-reġjun jikseb l-Indipendenza minn ma’ Spanja. “F’każ ta’ Indipendenza, it-timijiet Katalani f’La Liga, Barcelona, Espanyol u Girona jridu jiddeċiedu fejn iridu jilagħbu, fi Spanja jew f’pajjiż ġar bħal Franza, l-Italja jew il-Premier League Ingliż,” qal Figueras.