Il-Korea ta’ Fuq heddet lill-Ġappun b’qerda nukleari b’reazzjoni għat-tentattivi ta’ Tokjo biex jikkonvinċi lill-komunità internazzjonali ħalli jiċħad id-djalogu u jwettaq pressjoni akbar fuq ir-reġim tal-Mexxej Korean Komunista, Kim Jong-un.
Ir-reġim fi Pyongyang, permezz ta’ artiklu ċirkolat mill-aġenzija tal-aħbarijiet KCNA tal-Korea ta’ Fuq, wieġeb bl-aħrax għad-diskors tax-xahar li għadda li kien għamel il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Dakinhar, Abe sejjaħ għal ‘pressjoni u mhux djalogu’ fl-impenn biex il-Korea ta’ Fuq twarrab għall-ambizzjonijiet nukleari, u issa, ir-reġim fi Pyongyang qed jakkuża lil Abe ‘b’li qed jisfrutta t-teorija tal-kriżi fil-Peniżola Koreana għal skopijiet politiċi’.
Il-Korea ta’ Fuq akkużat ukoll lit-Tmexxija Ġappuniża ‘b’li qed tiffaċilita l-kunċett tal-militarizzazzjoni waqt li, fl-istess ħin, tipprova ssalva lill-Gvern ta’ Tokjo li jinsab b’dahru mal-ħajt minħabba korruzzjoni u irregolaritajiet’.
L-artiklu żied li Shinzo Abe wera ‘il-pjan malinn tiegħu’ fost spejjeż akbar fuq id-difiża u bis-sejħa tiegħu għal elezzjoni bikrija fil-Ġappun.
L-istess artiklu mbagħad itenni t-theddida li ‘il-gruppi kriminali fil-Ġappun li qed jippruvaw jirrankaw it-tensjoni fil-Peniżola Koreana qabdu triq lejn suwiċidju li għandu jwassal għal sħab nukleari fuq l-arċipelago Ġappuniż’.
It-theddida tkompli li filwaqt li ħadd ma jaf meta sitwazzjoni bħal din tista’ twassal għal gwerra nukleari, ‘l-arċipelago Ġappuniż, jekk dan iseħħ, għandu jinqered f’ballun nar fi kwistjoni ta’ sekondi’. L-artiklu jagħlaq bl-osservazzjoni li ‘d-dinja tkun qed tiffaċċja t-traġedja tas-seklu f’każ li l-poplu Ġappuniż, li sar l-ewwel vittma ta’ diżastru nukleari fl-istorja, jispiċċa mill-ġdid sagrifikat għall-iskopijiet politiċi ta’ ftit estremisti militari ( fil-Ġappun).’
It-tensjoni fil-Peniżola Koreana, illum, tinsab fl-ogħla livell minħabba l-programm nukleari tar-reġim fi Pyongyang.
//= $special ?>

