L-atteġġjament u l-politika tar-Renju Unit rigward il-Brexit kienu suġġetti għall-kritika fil-Parlament Ewropew, fejn lid-deputati ħeġġew lill-Prim Ministru Britanniku, Theresa May biex ‘tpoġġi pajjiżha l-ewwel’ filwaqt li tevita ‘id-diżgwid intern’.
Manfred Weber, li jmexxi lill-grupp PPE fil-Parlament Ewropew, qal li ‘mhux ċar min hu responsabbli għall-pożizzjoni tal-Britanniċi’ rigward il-proċess biex ir-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tiegħu, Guy Verhofstadt, il-President tal-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi Ewropej, akkuża lill-Ministri Britanniċi fis-sens li ‘ħarġu d-differenzi tagħhom fil-beraħ’.
Id-deputati (MEPs) tal-Parlament Ewropew fi Stasbourg aktar kmieni llum ivvutaw biex iħeġġu lill-Unjoni Ewropea biex ma tiftaħx il-fażi li jmiss tat-taħditiet dwar il-Brexit, dment li ma jkunx hemm ‘żvilupp sinifikanti’. Il-mozzjoni favur ‘dewmien fi kwalunkwe deċiżjoni dwar it-taħditiet rigward il-kummerċ’ kienet appoġġjata minn 557 MEP, bi 92 jivvutaw kontra.
Il-Parlament Ewropew, li għandu 751 MEP minn madwar l-UE, ma għandu l-ebda rwol formali fin-negozjati għall-Brexit, iżda għandu japprova kwalunkwe ftehim finali li jintlaħaq bejn Brussell u r-Renju Unit. Il-vot li ttieħed ilbieraħ fi Strasbourg ma jorbotx, iżda l-osservaturi jaqblu li dan se jgħin ‘għall-analiżi tas-sitwazzjoni politika’.
//= $special ?>


