Kultura Lokali

Il-Prinċep ta’ Wales f’Malta għall-75 Anniversarju mill-għoti tal-George Cross

Il-Prinċep Charles għada l-Erbgha mistenni jasal Malta għaċ-ċelebrazzjoni li se tfakkar il-75 sena mill-għoti tal-George Cross, bħala President ukoll tal-Assoċjazzjoni Victoria Cross and George Cross. Din it-tifkira se ssir għada filgħaxija f’Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.

Nannuh stess, ir-Re Ġorġ VI, ta l-midalja lill-pajjiżna nhar il-15 t’April, 1942, sabiex jonora l-qlubija tal-Maltin fit-Tieni Gwerra Dinjija. Iċ-ċerimonja għall-pubbliku fil-Belt Valletta saret fit-13 ta’ Settembru tal-istess sena.

Minbarra d-diversi żjarat għand l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, il-Prinċep ta’ Wales se jindirizza l-konferenza Our Ocean bħala parti mill-kampanja favur is-saħħa u r-reżistenza tal-oċean.

Tul iż-żjara tiegħu f’Malta se jżur lill-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta biex jara restawr li qed isir fuq il-Katidral.

L-aħħar li ġie Malta, attenda għal-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonwealth fl-2015 flimkien mal-mara tiegħu, d-Dukessa ta’ Cornwall, meta akkumpanjaw lir-Reġina u d-Duka ta’ Edinburgh.