Waqt li l-Istati Uniti tinsab f’luttu wara l-agħar sparatura tal-massa fl-istorja tal-pajjiż, il-Pulizija qed tistinka biex issib il-veru skop wara l-massakru waqt kuncert tal-mużika country f’Las Vegas, fejn raġel armat qatel talanqas 59 persuna u ħalla madwar 530 midruba.
L-aggressur, identifikat bħala Stephen Paddock, ta’ 64 sena, kien fit-32 sular tal-Mandalay Bay Hotel meta fetaħ in-nar fuq l-eluf ta’ nies li kienu preżenti għall-kunċert, b’konsegwenzi mill-aktar traġiċi. Hu imbagħad qatel ruħu b’idejh qabel il-pulizija setgħu jidħlu fil-kamra minfejn kien qed jispara.
Intant, l-awtoritajiet, għalissa, qed jippruvaw jistabbilixxu r-raġuni għal dan l-attakk, meta l-pulizija elevat aktar minn 20 arma tan-nar mill-kamra tal-lukanda li kien qed jokkupa Paddock. Ingħad li l-pulizija sabet ukoll ammont ta’ armi u splussivi waqt tfittxija fir-residenza tal-aggressur, f’Nevada, fost rapporti dwar ‘analiżi ta’ tagħmir elettroniku’ li wkoll instab f’dik id-dar.
L-investigaturi għalissa ma sabu l-ebda rabta bejn dan il-massakru u t-terroriżmu internazzjonali. Dan minkejja li l-grupp ISIS kien indika konnessjoni mal-aggressur ta’ Las Vegas. Lanqas ma kienu kkonfermati jew sostanzjati rapporti li Stephen Paddock, li ma kienx magħruf mal-pulizija, seta’ kellu xi problemi psikoloġiċi.
Fl-istess ħin ix-Xeriff ta’ Las Vegas qed ifisser l-isparatura tal-Ħadd f’Las Vegas bħala waħda mwettqa minn ‘lupu solitarju’, li jfisser li r-raġel responsabbli kien qed jaġixxi waħdu.
L-attakk bla sens nissel sens kbir ta’ luttu u dieqa madwar l-Istati Uniti, bil-bnadar jittajjru mezz’asta quddiem l-ambaxxati u sede diplomatiċi oħra tal-Amerikani fil-pajjiżi tad-dinja.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump tkellem dwar l-isparatura u, waqt indirizz mill-White House ta’ Washington, fisser dan l-attakk bħala ‘azzjoni kodarda u mill-aktar malinna’.
Ir-rata tal-isparar irreġistrata waqt l-eqqel tal-massakru tal-Ħadd tindika li Paddock seta’ immodifika l-armi tan-nar li kien xtara legalment – fosthom azzarin u senter – b’mod li dawn setgħu jisparaw ‘bl-istess veloċità bħall-armi awtomatiċi’.
L-isparatura tal-Ħadd bdiet meta eluf ta’ nies kienu preżenti għall-kunċert tal-kantant Jason Aldean u fejn instemgħu ‘mijiet ta’ tiri fost l-isparar awtomatiku’ – b’mijiet ta’ nies jiġru għall-kenn fost il-kaos u l-konfużjoni. Dan waqt li Paddock kompla jispara bl-aktar mod indiskriminattiv mill-kamra għolja tal-lukanda u sakemm ra li kien se jinqabad mill-pulizija.
Sadanittant, qraba tal-qattiel għadhom ma jistgħux iniżżlu kif Paddock – li kien jaħdem bħala awditur – seta jaġixxi b’dan il-mod.
U għalkemm l-ISIS sostna li l-aggressur ‘kien ikkonverta għall-Iżlam xi xhur ilu,’ il-grupp terroristiku ma ressaq l-ebda materjal jew provi li jissostanzjaw kliemu. Dan meta lanqas l-aġenti tal-FBI ma sabu xi konnessjoni bejn Paddock u xi entità terroristika internazzjonali.
L-awtoritajiet għad iridu jikkonfermaw l-identitajiet tal-mejtin fil-massakru ta’ Las Vegas iżda ħafna vittmi, fil-fatt, huma identifikati diġà mill-qraba u l-mezzi tal-media soċjali.
//= $special ?>

