Il-kantant-kitarrista Tom Petty, li kien wieħed mill-akbar stilel għal ġenerazzjonijiet ta’ dilettanti tal-mużika-Rock, miet f’Kalifornja, fl-età ta’ 66 sena, b’mewtu tkun irrappurtata kmieni dalgħodu
Petty instab mitluf minn sensih ‘u qed isofri minn attakk tal-qalb kbir’ fir-residenza tiegħu f’Malibu — bir-rapporti jgħidu li hu ittieħed b’urġenza lejn l-isptar fejn miet ftit tal-ħin wara, minkejja t-tentattivi biex iġibuh f’sikktu.
Il-mużiċista Amerikan jibqa’ magħruf bħala l-kantant ewlieni tal-grupp Tom Petty and the Heartbreakers u s-suċċessi tiegħu jinkludu American Girl; Breakdown; Free Fallin’; Learning to Fly u Refugee.
Petty kien famuż ukoll bħala ko-fundatur tas-supergroup bl-isem Traveling Wilburys li twaqqaf fis-snin tmenin u li hu kien jifforma parti minnu flimkien ma’ ġganti oħra tal-mużika Rock bħal Bob Dylan, Roy Orbison, Jeff Lynne u George Harrison.
L-ewwel ismijiet famużi mix-xena mużikali li raddew ġieħ lit-talenti ta’ Tom Petty kienu l-eks-Beatle, Sir Paul McCartney, Carole King, Brian Wilson, tal-grupp The Beach Boys, u Cyndi Lauper. Il-kantant tar-Rock Kanadiż, Bryan Adams, ukoll sellem il-memorja ta’ Tom Petty ‘u l-influwenza kbira tiegħu fuq il-mużika Rock’.
Tom Petty anki kiseb suċċess bħala solista, fl-1989, bl-album li jismu Full Moon Fever – li minnu ħareġ is-single popolari Free Fallin’, li hu kien kiteb bil-kollaborazzjoni ta’ Jeff Lynne, tal-grupp ELO
Intant, Tom Petty ilu mill-2002 inkluż fir-Rock and Roll Hall of Fame.
//= $special ?>

