Internazzjonali

Misteru ta’ ajruplan ‘li ma jitwemminx’

L-investigaturi Awstraljani ħarġu r-rapport finali dwar l-ajruplan tal-Malaysia Airlines li ilu nieqes minn Marzu tal-2014 u qalu li ‘ma jitwemminx’ li dan baqa’ ma nstabx minkejja tfittxija ta’ xhur sħaħ.

It-Titjira MH370 għebet fl-2014 waqt titjira minn Beijing, fiċ-Ċina, lejn Kuala Lumpur fil-Malasja u meta kien hemm 239 persuna abbord. It-tfittxija għalih – bl-għajnuna tal-Malasja u ċ-Ċina – twaqqfet f’Jannar li għadda wara impenn li dam għal 1,046 ġranet.

Intant, l-awtoritajiet Awstraljani involuti fit-tfittxija qalu li ‘jiddispjaċihom bil-kbir li l-misteru se jkompli minkejja l-isforzi straordinarji tal-mijiet tan-nies involuti fit-tfittxija minn madwar id-dinja.’

‘Hi ħaġa inaċċettabbli u ma titwemminx li fl-era tal-avvjazzjoni moderna ikun hemm għajbien permanenti ta’ ajruplan kummerċjali kbir u li d-dinja tibqa’ ma tafx b’ċertezza seta’ sar minnu u min-nies ta’ fuqu,’ sostna t-Transport Safety Bureau tal-Awstralja.

Ir-rapport finali rrefera mill-ġdid għall-kalkoli li saru xhur ilu, fis-sens li l-ajruplan, tat-tip Boeing 777, x’aktarx li qiegħed f’inħawi, xi 25,000 kilometri kwadri lejn it-Tramuntana ta’ search zone inizjali fin-Nofsinar tal-Oċean Indjan.