Lokali

In-nazzjon 03.10.2017

It-twissijiet u l-appelli li għamel ilbieraħ il-Prim Imħallef Silvio Camilleri fil-ftuħ tas-sena forensi fil-Qrati ta’ Malta, jiddominaw l-ewwel paġna tal-ġurnal In-Nazzjon bit-titlu: ‘Il-ġustizzja lanqas biss tista’ tibda jekk l-awtoritajiet ma jaqdux id-doveri tagħhom’.

Stejjer oħrajn fil-ġurnal jinkludu l-intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn tkellem dwar il-proċess li se jitħaffef biex ikunu eletti l-Viċi Kapijiet tal-PN, l-inkwiet tal-Knisja f’Malta dwar familji li ma joffordjawx jikru, it-tliet dati importanti li se tkun qed tfakkar din il-ġimgħa l-Kamra tal-Periti, is-sajjetta kbira li laqtet lill-Knisja ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq, u rapporti mill-Parlament.

Il-paġni tal-aħbarijiet ta’ barra huma dominati mill-massakru li seħħ f’Las Vegas u rapporti dwar l-aħħar żviluppi wara r-referendum li sar fil-Katalonja.

Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-analiżi politika ta’ Mario Schiavone, u tislima ta’ Euchar Mizzi lil Dun Ġorġ Grima.