Eluf ta’ dimostranti illum imblukkaw it-toroq prinċipali fir-reġjun ta’ Katalonja waqt li strajk ġenerali affettwa bil-kbir lit-trasport pubbliku. It-tradeunions Katalani sejħu din id-dimostrazzjoni f’turija ta’ rabja għall-vjolenza mill-Pulizija Spanjola li għarrqet ir-referendum ta’ nhar il-Ħadd għall-indipendenza tar-reġjun partikulari.
Ir-rapporti rreferew għal numru kbir ta’ roadblocks madwar Katalonja fejn inġemgħu sriebet twal ta’ karozzi, u bil-belt ewlenija ta’ Barċellona tispiċċa paralizzata fit-tul taż-żmien. Filwaqt li l-ajruport ta’ El Prat f’Barċellona u s-servizzi tat-taxi baqgħu jaħdmu bħas-soltu, għalqu numru kbir ta’ ħwienet żgħar tul Katalunja, l-istess bħal diversi skejjel, universitajiet u servizzi mediċi.
Is-servizz tal-metro għal Barċellona kien kważi wieqaf, filwaqt li ntlaqtet sew anki l-iskeda normali tal-ferroviji l-oħra – bl-attrazzjonijiet tal-belt, inkluża l-knisja tas-Sagrada Familia, jingħalqu għat-turisti.
Id-dimostrazzjoni kbira ssejjħet bi protesta kontra ‘l-abbuż gravi tad-drittijiet u l-libertajiet’ waqt ir-referendum tal-Ħadd għall-indipendenza ta’ Katalonja. Fl-inċidenti tal-Ħadd weġġgħu kważi 900 persuna waqt li l-Pulizija Spanjola pruvat twaqqaf il-votazzjoni, u wara li l-Gvern f’Madrid iddikjara l-proċess bħala illegali.
Nhar il-Ħadd, il-pulizija sparat il-balal tal-gomma fuq in-nies waqt li kaxkru lin-nies bi vjolenza mill-postijiet tal-votazzjoni. Fl-inċidenti weġġgħu ukoll għexieren ta’ pulizija, iżda fir-referendum ivvutaw aktar minn 2.2 miljun Katalan. Intant, il-Gvern ta’ Katalonja qal li kważi 90 fil-mija vvutaw favur l-indipendenza tar-reġjun, iżda r-riżultati uffiċjali għadhom ma ħarġux.
Il-konkorrenza ta’ votanti, fl-istess ħin, hi relattivament baxxa ( 42 fil-mija) u dan jista’ jdgħajjef il-pożizzjoni tal-President Katalan, Carles Puigdemont.
Sadanittant, il-mexxejja politiċi f’Katalonja qed jippruvaw isibu triq ‘il quddiem, bil-President Puigdemont jgħid li jrid ftehim ġdid mal-Gvern ċentrali f’Madrid. Madankollu, il-Gvern tal-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, wissa li jista’ jissospendi l-awtonomija ta’ Katalonja, b’Rajoy jisħaq li l-vot tal-Ħadd ‘irredikola l-kunċett tad-demokrazija’.
//= $special ?>


