Lokali

Vot unanimu biex Adrian Delia jsir Deputat Parlamentari

Illejla, l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista vvota b’mod unanimu biex is-siġġu ta’ Peter Micallef – li rriżenja mill-Parlament aktar kmieni llum – imur għand il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Peter Micallef ġie elett f’elezzjoni każwali wara r-riżenja ta’ Jean Pierre Debono minn Deputat Parlamentari.

B’hekk, dan hu pass ieħor fil-proċess biex il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni. Fil-bidu tas-Seduta Parlamentari ta’ għada l-Erbgħa, Adrian Delia jieħu l-ġurament ta’ Deputat Parlamentari, waqt li nhar il-Ġimgħa, Adrian Delia jieħu l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

F’kummenti waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, Adrian Delia rringrazzja lill-kandidati kollha – kemm dawk tas-7 distrett elettorali kif ukoll fid-distretti l-oħra – li offrew li jekk jiġu eletti f’elezzjoni każwali, jirriżenjaw biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jsir Deputat Parlamentari. Hu rringrazzja b’mod partikolari lil Jean Pierre Debono, kif ukoll lil Peter Micallef għal-lealtà tagħhom lejn il-Partit Nazzjonalista.