Futbol Sport

Wales mingħajr Bale u l-Ingliżi mingħajr Jones u Delph

Gareth Bale

Wales u l-Ingilterra se jkollhom jgħaddu mingħajr Gareth Bale, Phil Jones u Fabian Delph rispettivament fil-partiti li jmisshom mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.

Wales imisshom jilagħbu kontra l-Ġroġja u l-Irlanda filwaqt li l-Ingilterra, li tinsab fl-istess grupp ta’ Malta, se tilgħab kontra s-Slovenja u l-Litwanja.

Nhar il-Ħadd li għadda Bale ma lagħabx fil-partita bejn Real Madrid u Espanyol u jum wara ngħaqad mat-tim nazzjonali imma ġie deċiż li ma jivjaġġax mal-kumplament tal-iskwadra li se tmur il-Ġorġja. Minflok Bale issa se jkun hemm l-attakkant ta’ Barnsley Tom Bradshaw.

Il-fatt li Bale se jkun nieqes għal Wales hu daqqa ta’ ħarta meta wieħed jikkunsidra li l-eksplejer ta’ Tottenham skurja erba’ gowls fil-fażi tal-gruppi. Ta’ min jinnota li sa mill-2013 Wales qatt ma rebħu logħba li fiha ma lagħabx Bale. Huma ġew draw tliet darbiet u tilfu tliet darbiet fis-sitt drabi li lagħbu mingħajr Bale.

Wales se jkunu qed jippruvaw, li għall-ewwel darba sa mill-1958, jilagħbu fit-Tazza tad-Dinja. Huma attwalment jinsabu fit-tieni post fi Grupp D, b’erba’ punti inqas mis-Serbja meta fadal żewġ partiti.

Jekk kemm-il darba Wales jispiċċaw fit-tieni post jgħaddu għall-play-offs. Tmien timijiet li jispiċċaw fit-tieni post se jilagħbu fil-play-offs u minn dawn ikunu erba’ timijiet li jikkwalifikaw għall-fażi finali fir-Russja.

Intant, l-Ingilterra se jkollhom jgħaddu mingħajr il-koppja Phil Jones u Fabian Delph. Id-difensur ta’ Man Utd Jones ilu jsofri minn diversi injuries dawn l-aħħar snin. Il-kowċ nazzjonali tal-Ingilterra Gareth Southgate sejjaħ lill-plejer ta’ Tottenham Harry Winks.

Ta’ min jiftakar ukoll li l-Ingilterra, kontra s-Slovenja, se jkunu mingħajr Dele Alli li se jkun qed jiskonta logħba sospensjoni.


Timo Werner imweġġa’

Il-Ġermaniż Timo Werner mhux se jilgħab kontra l-Irlanda ta’ Fuq u l-Ażerbajġan minħabba li għandu injury f’għonqu. Hu diġa’ tilef il-logħba ta’ tmiem il-ġimgħa kontra Cologne u issa se jitlef l-aħħar żewġ partiti ta’ Grupp Ċ.

Il-Ġermanja se jkollhom jgħaddu wkoll mingħajr Mesut Ozil, Sami Khedira, Manuel Neuer, Jonas Hector u Mario Gomez.

Nhar il-Ħamis iċ-champions tad-dinja jaffrontaw lill-Irlanda ta’ Fuq u nhar il-Ħadd jilgħabu kontra l-Ażerbaġjan.

Ventura jrid jevita ‘diżastru’
F’kummenti li ta l-kowċ nazzjonali tal-Italja Gian Piero Ventura ammetta li jekk l-Italja ma tikkwalifikawx għat-Tazza tad-Dinja dan ikun ‘diżastru nazzjonali’.

L-Italja għandhom bżonn żewġ rebħiet biex jaċċertaw ruħhom minn play-off.

Dan minħabba l-fatt li tilfu l-partita kontra Spanja f’Madrid u hi xi ħaġa kważi ċerta li Spanja se tirbaħ l-aħħar żewġ konfronti tagħha li jfissru l-ewwel post tal-grupp.
Fil-ġimgħat li għaddew il-President tal-FIGC Tavecchio u l-President tal-CONI Malago qalu li jekk l-Italja ma tgħaddix dan ikun “l-Apokalissi”.

“Tavecchio u Malago għandhom raġun, ikun diżastru nazzjonali jekk ma nikkwalifikawx. Sfortunatament dan hu mument partikolari iżda l-plejers tagħna għandhom xewqa unika li jerġgħu jkunu fost l-aqwa,” qal Ventura.