Żewġ nisa li ġew akkużati b’pickpocketing ingħataw sentenza ta’ ħabs, wara li ammettew li huma serqu €60 minn mara anzjana ilbieraħ f’Tas-Sliema. Iż-żewġ nisa Bulgari, Mariana Petrova ta’ 23 sena u Nadezjda Ivanova ta’ 36 sena, dehru quddiem il-Maġistarat Francesco Depasquale fil-Qorti llum.
F’isem il-prosekuzzjoni, deher l-Ispettur Mark Mercieca li stqarr li ż-żewġ nisa nqabdu minn Pulizija pajżan. Fil-Qorti, l-Ispettur tal-Pulizija kompla jistqarr li hemm ħafna aktar kriminali li jisirqu minn bwiet u basktijiet tan-nies fit-toroq. Kompla li dawn in-nisa qed jagħmlu business minn din il-kriminalita’, hekk kif żaru pajjiżna tliet darbiet minn Ġunju l’hawn.
L-avukat difensur stqarr li Petrova u Ivanova ma ħaqqhomx jingħataw sentenza ta’ ħabs fuq sempliċiment serq ta’ €60, iżda minflok l-avukat Victor Bugeja talab lill-Qorti biex tibgħat lill-akkużati lura l-Bulgarija. Minn naħa l-oħra, l-Ispettur Mark Mercieca qal li jekk tibgħat liż-żewġ Bulgari lura pajjiżhom il-Qorti tkun qed twassal messaġġ ħażin.
L-avukat li deher f’isem Petrova u Ivanova qal li l-klijenti tiegħu rritornaw lura l-flus li serqu u wara kkooperaw mal-Pulizija fl-investigazzjoni – u hu għalhekk li ma ħaqqhomx jintbagħtu l-ħabs.
Minn naħa tagħha, il-Qorti qalet li l-gravita’ fl-azzjoni kriminali li għamlu dawn iż-żewġ nisa twassal lill-anzjani f’Malta jibiżgħu jkunu fil-pubbliku – għaldaqstant il-qorti kkundannat lil Petrova u Ivanova għal xahrejn ħabs.
//= $special ?>