Lokali

Appell għal investiment fil-motorsport

Il-Fedearzzjoni Maltija ghall-Motorsport (MMF) pproponiet li fil-baġit għas-sena d-dieħla il-Gvern jalloka €4 miljun għall-bini u l-immodernizzar ta’ faċilitajiet eżistenti mgħoddija lill-klabs, assocjazzjonijiet u lill-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport.

F’ittra lill-Prim Ministru, il-Federazzjoni qalet li l-Gvern sab ir-riżorsi biex jinbena ir-range tal-isparar, il-ground tal-futbol ta’ Marsascala u l-immodernizzar tal-pitch tal-waterpolo tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar fost proġetti oħra. Dan jikkontrasta immens mal-faċilitajiet tal-motorsport.

Fil-każ tal-barriera Tal-Aħrax, il-Gvern Nazzjonalista għaddha din il-barriera lill-Federazzjoni kif kienet u apparti hekk il-Gvern preżenti mhux talli ma tax ir-riżorsi meħtieġa lill-Federazzjoni iżda jrid jimmulta lill-Federazzjoni għaliex fil-passat ħaddiema tal-gvern, b’mod illegali u abbużiv tefgħu l-alka f’din il-barriera.

Il-Federazzjoni qalet li l-Gvern issa qed jitlob lil-Federazzjoni tnaddaf din il-barriera u saħansitra tagħmel studji bi spejjeż kbar biex jiġi stabbilit jekk dan is-sit hux sikur biex jintuża. Fil-każ tat-trakka tal-gokarts biswit it-trakka tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far, il-Gvern Nazzjonalista għaddha biċċa art biex fuqha tinbena trakka tal-gokarts.

Għal darboħra, dan jikkontrasta immens mal-ground ta’ Marsascala. F’Marsascala u f’ħafna postijiet oħra il-Gvern ma tax biċċa art u waqaf hemm,iżda se jinvesti €2.2 miljun fil-bini ta facilità u uffiċini imbagħad jgħaddi ċ-ċavetta lill-klabb ta’ Marsascala; kif fil-fatt għandu jkun. Fil-każ tat-trakka tal-kwart ta’ mil, il-każ huwa ferm simili għal dak tar-range ta l-isparar. L-art u l-fondi neċessarji għal dan il-proġett huma xprunati mill-fatt li l-Federazzjoni tal-Isparar irnexxielha iġġib kompetizzjoni internazzjonali fil-pajjiż.

Il-Federazzjoni qalet li dak m’għandux ikun hu li meta l-Fedearzzjoni Maltija għall-Motorsport (MMF) flimkien mal-Assocjazzjoni tas-Sidien tar-Ristoranti u Lukandi (MHRA) u l-Assocjazzjoni Maltija Tad-Drag Racing (MDRA) ġabu il-finali tal-kampjonati Ewropei tad-Drag Racing, il-Gvern flok daħħal idu fil-but kif ghamel għall-faċilitajiet kollha sportivi ezistenti, bagħat lid-dilettanti tal-motorsport isibu investiment privat. Ta’ minn jgħid ukoll li l-art għal dan il-proġett kienet u għadha disponobli mhux bħal fil-każ tar-range għall-isparar.

Iċ-Champion renjanti tal-ogħla kategorija tad-Drag Racing li tissejjaħ Top Fuel hu s-sewwieq Malti Duncan Micallef. Fil-passat viċin kellna ukoll żewg champions tal-klassi Top Methanol; Monty Bugeja u Chris Polidano. L-aktar mutur veloċi tal-klassi Super Street Bike fl-Ewropa hu wkoll ta’ tim Malti misjuq minn Franklyn Borg u itunjat minn Simon Giordmaina.

Il-Federazzjoni sostniet li d-dilettanti tal-motorsport soffrew inġustizzji kbar fil-passat, fejn l-ebda gvern Malti qatt ma investa fi proġett kapitali jew faiċilita tal-motorsport. B’dawn l-€4 miljuni d-dilettanti jista’ jkollhom faċilitajiet aktar sikuri u ta livell internazzjonali għad-Drag Racing, faċilita għall-offroading kif ukoll faċilita tant neċessarja tal-gokarts għat-tfal.

L-artijiet għal dawn il-faiċilitajiet huma kollha disponibli u l-klabbs, assocjazzjonijiet u l-Federazzjoni diġà qed iħallsu kirjiet fuqhom. Din it-talba m’għandhiex tnaqqas jew taffetwa l-wegħdha elettorali tal-Gvern u ta’l-Oppożizzjoni għall-bini ta’ kumpless edukattiv u ċirkwit tal-motorsport.

Il-Federazzjoni appellat biex id-dilettanti tal-motorsport jiġu stmati bħad-dilettanti tad-dixxiplini sportivi l-oħra; la inqas u lanqas aktar. Il-Federazzjoni hi lesta li taħdem mal-gvern biex dawn il-proġetti jseħħu mingħajr telf ta’ żmien u kif suppost. Dan jista’ jsir permezz ta ghajnuna mill-FlA li l-Federazzjoni tirrappreżenta f’Malta.