Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa se jkun responsabbli għad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn Ħajja u Xogħol. Dan kien imħabbar waqt laqgħa tal-PPE fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
David Casa qal li “l-għan tal-leġiżlazzjoni proposta hija li testendi d-drittijiet eżistenti għall-ġenituri li jaħdmu u carers”. Din il-leġiżlazzjoni se tkun qed tgħin biex tonqos id-diskriminazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta’ tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn nisa u rġiel.
Skont sħarriġ li sar din is-sena wera li f’Malta, r-rata tal-impjieg bejn nisa u rġiel hija l-għola fl-Unjoni Ewropeja, b’83.1% tal-irġiel f’impjieg imqabbel ma’ 55.5% tan-nisa.
Il-Kummissarju għax-Xogħol, Affarijiet Soċjali, Abbiltajiet u Mobiltà tax-Xogħol, Marianne Thyssen, qalet li “ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol mhuwiex biss kwistjoni ta’ ugwaljanza, iżda jippreżenta wkoll rebħa tripla”.
Fil-ġimgħat li ġejjin David Casa se jagħmel laqgħat mal-istakeholders kemm f’Malta u kemm f’livell tal-UE, bħala parti mir-responsabbiltà ġdida tiegħu fuq dan id-dossier.
//= $special ?>