F’konferenza tal-aħbarijiet li organizza, il-Maestro Brian Schembri iddikjara li se jieħu l-każ tiegħu fil-Qorti.
Il-Maeastro Brian Schembri tkellem dwar it-terminu tal-kuntratt tiegħu bħala direttur prinċipali u artistiku tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Il-Maestro Schembri beda billi qal li l-kuntratt tiegħu bħala d-direttur prinċipali u artistiku tal-Orkestra Nazzjonali ġie tterminat uffiċjalment f’Awissu li għadda. Hu żied jgħid li l-awtorita’ tiegħu bħala direttur artistiku kienet ilha tiġi mminata mill-Executive Chairman tal-Orkestra Sigmund Mifsud mill-inqas minn Jannar 2017, b’deċiżjonijiet li kellu jkun responsabbli għalihom hu, jittieħdu intenzjonalment u b’mod sistematiku mingħajr ma ġie nfurmat jew involut.
Il-Maestro Brian Schembri sostna li organizza l-konferenza tal-aħbarijiet biex jiċċara l-ispekulazzjonijiet, tidwir ta’ kliem u l-gideb li sar fil-konfront tiegħu.
Brian Schembri spjega l-kronoloġija ta’ dak li ġara. Sostna li meta ġie Malta minn Pariġi apposta għal kunċert tal-istaġun, hu qal li l-politika tal-Executive Chairman Sigmund Mifsud baqghet li jimmina x-xogħol tiegħu. Żied jgħid li allura ma setax jidderieġi l-aħħar kunċert tal-istaġun fl-24 ta’ Ġunju li għadda minħabba diżgwid mat-tmexxija tal-orkestra.
Schembri qal li d-diżgwid kien fuq il-ksur tal-kuntratt tiegħu bħala direttur artistiku – minħabba li kien jiġi injorat u eliminat minn xogħolu, dmirijietu u r-responsabbiltajiet li kienu jaqgħu taħtu – li kien ilu għaddej minn Jannar 2017.
Schembri żied jgħid, “qajjimt dan it-tfixkil fi dmirijieti mal-awtoritajiet, fosthom l-ogħla awtorita fil-Ministeru tal-Kultura, is-Segretarju Permanenti Johan Galea, li ammetta miegħi li s-sitwazzjoni ma kinitx waħda sostenibbli għalija biex naqdi dmirijieti u kellu jintervjeni biex jipprova jsib rimedju, kif fil-fatt ipprova jagħmel”.
Brian Schembri sostna li filwaqt li qed jiġi attakkat u akkużat pubblikament li l-kuntratt tiegħu twaqqaf minħabba li m’għamilx il-kunċert imsemmi, l-istess nies li qed jakkużawh tant jafu kif kienu l-affarijiet li hu ġie mgħarraf li tkeċċa mill-orkestra biss minħabba li ma qabilx mal-kuntratt ġdid li ġie offrut lilu u dan kontra l-kuntratt li kien marbutin bih.
Brian Schembri temm jgħid li l-kuntratt tiegħu ġie tterminat għar-raġuni li hu ma ċediex għall-umiljazzjoni li riduh jaċċetta. Dan it-tip ta’ aġir ta’ pressjoni u intimidazzjoni huma inetiċi, imorru kontra l-kuntratt u kontra l-liġi, sostna Schembri, waqt li qal li ma baqalu ħlief li jħares id-drittijiet tiegħu hekk kif tippermettilu l-liġi.
//= $special ?>