Mal-bidu ta’ sena akkademika ġdida, din is-sena l-istudenti Universitarji sabu sfidi ġodda minbarra dawk akkademiċi li wieħed jistenna f’dawn ix-xhur.
Dan hekk kif il-maltemp li laqat lill-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem ikkawża problemi ta’ għargħar mhux biss fil-Kampus iżda fit-toroq li jwasslu għall-Università ta’ Malta.
Fi stqarrija, il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) ippubblika wkoll ritratt li juri kif il-passaġġ taħt l-art qrib l-iSkate Park fl-Imsida qed jibqa’ mgħarraq bl-ilma u allura mhux aċċessibbli għall-istudenti li jridu jaqsmu min-naħa l-oħra.
Il-GUG qalet li l-aċċess minn dan il-passaġġ jagħmilha eħfef għall-istudenti biex jgħaddu min-naħa għall-oħra mingħajr il-periklu tas-sewqan meta jaqsmu minn triq daqstant traffikuża.
Għaldaqstant, l-għaqda studenteska qed tappella lill-awtoritajiet biex jaraw li dan il-passaġġ ikun alternattiva verament sigura għall-istudenti u mhux għadira ta’ inkonvenjent.
//= $special ?>