Lokali Parlament

Il-PL kiser wegħda elettorali oħra dwar l-iskrutinju pubbliku

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li bil-liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, il-PL fil-gvern se jkun kiser wegħda elettorali oħra għaliex mhux se jwettaq l-iskrutinju pubbliku jew parlamenatri li kien wiegħed qabel l-elezzjoni tal-2013.

Fil-Parlament Therese Comodini Cachia qalet li l-messaġġ politiku jrid ikun veritier u sostniet li l-Gvern juża l-Whistle Blowers’ Act meta jaqbel lilu biss. Hi trattat il-liġi tal-preskrizzjoni fuq il-korruzzjoni u qalet li minkejja din il-liġi, il-pulizija għad ma ħaditx passi kontra Jimmy Magro.

Fil-prinċipju l-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu dwar l-iskrutinju dwar il-persuni maħtura fl-amministrazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi iżda l-problema tinsab fid-dettall. Hi kkwotat mill-programm elettorali Laburista tal-2013 fejn Joseph Muscat kien wiegħed li jsiru laqgħat ta’ srutinju għall-persuni maħtura biex imexxu l-entitajiet u qalet li din il-wegħda mhix se titwettaq.

Hi staqsiet għaliex il-gvern qed jibża’ jwettaq din il-wegħda wara li ħatar lin-nies tiegħu kullimkien. Aktar minn hekk, il-liġi ma tispeċifikax li l-persuni kollha appuntati se jkunu skrutinizzati. Flok skrutinju parlamentari, il-ministru se jkun id-delegat jew il-medjatur bejn il-persuni maħtura u l-kumitat appuntat. Il-mistoqsijiet se jsiru bil-miktub u dawn jingħaddew lill-ministru biex dan jgħaddihom lill-kumitat li jrid jdideċiedi jekk hemm bżonn seduta pubblika.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar in-nuqqasijiet li hemm fil-liġi tal-Gvern Laburista paragunata ma’ dik li hemm fil-House of Commons u qalet li din il-liġi kellha tressaq il-parlament iktar viċin il-poplu.