Lokali

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga lil Jimmy Magro

Minkejja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni

Il-Pulizija għadha ma ħaditx azzjoni fil-konfront tal-ex Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Jimmy Magro, minkejja li l-Kummissjoni ta’ kontra l-korruzzjoni, aktar minn 9 xhur ilu, għamlet rakkomandazzjoni biex jittieħdu passi fil-konfront ta’ Magro.

L-ex Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Jimmy Magro, f’Jannar kien investigat minn din il-Kummissjoni, talli fir-rwol tiegħu bħala Chairman Eżekuttiv tal-Aġenzija li tikkordina proġetti kbar fil-pajjiż, talab li jitnaqqsu €25,000 fl-għoti ta’ tender dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart. Jirriżulta wkoll li hu kien talab lil min tefa’ l-offerta għat-tender, vaganza ta’ €5,000 f’Alsace, fi Franza fl-2014.

Dan ġie rrapurtat mill-gazzetta The Times of Malta.

Hu kien sospiż wkoll mill-Malta Enterprise u tneħħa min Direttur tal-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma. Mill-Malta Enterprise Magro kien jitħallas aktar minn €50,000 fis-sena.

Jirriżulta li l-Pulizija għadha ma ħaditx passi għaliex għadha qed tinvestiga minkejja dak li ssuġeriet il-Kummissjoni ta’ Kontra l-Korruzzjoni mmexxija mill-Imħallef Lawrence Quintano. Minn naħa tagħha l-istess Kummissjoni ssotni li hi konvinta li Jimmy Magro fittex li jixxaħħam mill-offerent għat-tender.

Minn naħa tiegħu l-ex Segretarju Ġenerali tal-Parit Laburista dejjem ċaħad dan kollu u kien anke sostna li fl-2014 kellu dħul ta’ €100,000 u għallura ma kellux bżonn flus.