Il-Pulizija Amerikana għadha ma sabitx ir-raġuni għaliex it-Tnejn, Stephen Paddock qatel 58 persuna li kienu qed jattendu għal kunċert f’Las Vegas.
Imma issa hemm it-tama li forsi jitwaddab xi ftit dawl wara li rritornat lura l-Istati Uniti Marilou Danley, l-għarusa ta’ Paddock u li kienet il-Filippini, meta seħħ l-agħar massakru b’arma tan-nar fl-Istati Uniti. Massakru li dam sejjer 11-il minuta u fil-pussess tiegħu, Paddock kellu diversi machine guns li b’xi wħud minnhom, apparti dawk il-persuni li qatel, darab aktar minn 500 persuna.
Skont xi qraba ta’ Danley, Paddock, accountant irtirat b’ebda passat kriminali, kien xtralha biljett għall-Filippini biex tkun barra mill-pajjiż meta wettaq il-massakru. Hu ħa wkoll xi dokumenti minn tagħha biex kera l-kamra fit-32 sular tal-Mandalay Bay Hotel, f’Las Vegas, minn fejn fetaħ in-nar. Qed ikunu investigati wkoll rapporti li Paddock bagħat 100,000 dollaru lil Danley fil-Filippini ftit qabel il-massakru.
Danley għandha 62 sena, hi mwielda fil-Filippini u għamlet għaxar snin tgħix fl-Awstralja.
Il-Pulizija tipprova ssib ir-raġuni wara l-massakru ta’ Las Vegas


