“Aħna l-MUT dejjem ngħidu lill-Gvern li hemm problemi x’jiġu indirizzati – iżda huma dejjem jiċħdu. Imbagħad naslu għal-lejliet li tibda s-sena skolastika u jerġgħu jfaqqgħu l-istess problemi, jekk hux agħar” – kliem il-President tal-Union tal-Għalliema Marco Bonnici, wara konferenza tal-aħbarijiet fejn l-MUT talbet għall-azzjoni u mhux biss kliem sabiħ dwar ir-rispett.
Fl-istqarrija tagħhom, l-MUT xebħu s-sitwazzjoni preżenti ma’ Musical Chairs, fejn semma’ l-eżempju tal-Complimentary Teachers li jintbagħtu ma numru ta’ studenti speċifiċi. Skont Marco Bonnici dawn l-għalliema nqalaw mis-servizz u reġgħu intbagħtu lura fil-primarja biex jgħallmu. Kompla li saret sejħa mill-Gvern biex daħħal għalliema lura mill-irtirar – li hi miżura tajba, iżda s-sitwazzjoni hi fejn għandek għalliema ta’ 77 sena.
Net News staqsa dwar għalfejn l-MUT qed tistqarr li l-edukaturi ma jingħatawx biżejjed rispett mill-awtoritajiet:
“Smajna ħafna dwar rispett, pero fil-prattika imbagħad ma narawhx. L-ewwel ġurnata tal-iskola eżempju kellna sitwazzjoni fejn għalliema li qegħdin fis-servizzi kellhom jintbagħtu lura fil-klassi, min ħa promozzjoni qalulu ma tistax toħodha għalissa għax għandan bżonnok fil-klassi, għandna nuqqas kbir ta’ LSAs fiċ-ċentru tar-riżorsi – kien hemm nuqqas kullimkien: fil-Primarja, fis-Sekondarja u anke fiċ-ċentri” stqarr Marco Bonnici, u tenna: “Ir-rispett huwa faċli li tgħid li taqbad u tfaqqa’ subajk u tgħid mela m’hawnx rispett u rridu nġibuh – pero mbagħad minn naħa l-oħra jkollna sitwazzjoni fejn LSAs li jagħmlu korsijiet il-kwalifika ġabuha diġa’ iżda s-sejħa ma toħroġx. Is-sejħa għall-LSA I u LSA II ilhom iżjed minn sena ma joħorġu.
Marco Bonnici qal li l-MUT irrispettat id-deadlines tagħha u lestiet il-proposti kollha sal-11 ta’ Settembru, bil-Gvern l-għada sippost kellu jagħti r-reazzjoni tiegħu. Il-President tal-MUT qal li s’issa, tliet ġimgħat wara, għadhom ma rċivew l-ebda reazzjoni mill-Gvern.
L-MUT tkellmet ukoll dwar is-sitwazzjoni inkwetanti fil-korsijiet tal-LSAs, fejn stqarr li l-korsijiet tal-LSAs kellhom jinfetħu, aktar u aktar mal-MCAST. Iżda Marco Bonnici qal li ħadd mhu se jidħol għall-kors li wara li tigradwa ddum xi sentejn tistenna li tieħu l-istatus tiegħek bħala LSA I jew LSA II.
L-MUT sejħet din il-konferenza tal-aħbarijiet propju jum qabel ma’ jiġi ċċelebrat Jum l-Għalliema nhar il-5 ta’ Ottubru.
//= $special ?>