L-aħbar tal-vot unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex il-Kap tal-Partit Adrian Delia jiġi co-opted biex illejla jieħu l-ġurament fil-Parlament u nhar il-Ġimgħa bħala Kap tal-Oppożizzjoni, tiddomina l-ewwel paġna tal-ġurnal In-Nazzjon. Il-ġurnal jagħti wkoll id-dettalji tal-elezzjonijiet kollha li se jsiru għall-ogħla uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, inkluż tal-Viċi Kapijiet u li se jsiru sat-23 ta’ Novembru li ġej.
In-Nazzjon jippubblika wkoll id-dettalji tal-elezzjoni każwali li saret ilbieraħ u l-kummenti tat-Tabib Peter Micallef li kien elett minflok Jean Pierre Debono li ċeda s-siġġu tiegħu fil-Parlament biex ikun jista’ jinħatar Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Storja oħra b’dettalji u ritratti tittratta l-inċident li seħħ fil-Wildlife Park fl-Imtaħleb, fejn nirien qerdu partijiet sostanzjali minn dan il-park li tilef ukoll numru ta’ annimali eżotiċi.
Stejjer oħrajn jittrattaw l-intervista li kellu lbieraħ filgħaxija l-Kap tal-PN Adrian Delia fuq il-programm ‘Dissett’ fuq il-PBS, id-deċiżjoni tal-Imħallef Antonio Mizzi dwar l-appelli b’rabta mal-iskandlu tal-Panama Papers, aħbarijiet mis-seduti parlamentari, u fil-paġni tal-aħbarijiet barranin l-aħħar żviluppi minn Spanja dwar ir-rabja fil-Katalonja wara r-referendum, u mill-Istat Uniti wara l-massakru li seħħ f’Las Vegas.
Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-analiżi politika ta’ David Casa u Justin Schembri.
//= $special ?>