Kliem pożittiv mill-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Pietro Ghedin, fil-konferenza stampa lejliet il-partita kontra l-Litwanja.
Il-kowċ tat-tim nazzjonali qal li din il-logħba hi importanti ħafna u se jkunu qed ifittxu li jiksbu rebħa minkejja li hemm diversi plejers nieqsa. Hu qal li l-Litwanja kellhom fażi ta’ kwalifikazzjoni pożittiva u għandhom ħafna plejers li jilagħbu barra minn Malta.
Hu jidher li se jħalli l-istess formazzjoni, hekk kif mistoqsi dwar l-għażla tal-iskwadra finali, Ghedin qal li fuq formazzjoni wieħed irid jaħdem ħafna biex ikun hemm bilanċ, u biex jagħżel l-ewwel ħdax se jistenna sa filgħodu biex jara l-kundizzjoni ta’ xi plejers.
Ghedin kien mistoqsi wkoll dwar l-għażla tat-tliet plejers ta’ Ħamrun Siraj Arab, Daniel Zerafa u Lydon Micallef. Hu qal li jrid jagħti l-okkażjoni lilhom biex ikunu mal-iskwadra iżda mhux biss u jekk ikun hemm iċ-ċans, jieħdu xi minuti biex jieħdu idea tal-livell internazzjonali.
Hu sostna li l-idea li hu difensiv hi żbaljata, għaliex qal li diversi timijiet fl-ewropa qed jadattaw din is-sistema. Il-kowċ nazzjonali saħaq li hu jkun qed ifittex il-bilanċ fit-tim.
Ghedin sostna li huma jinsabu preparati u f’kundizzjoni tajba biex jiksbu riżultat pożittiv. Hu qal li dejjem jippruvaw l-aħjar tagħhom, iżda biex tilgħab ftit aktar offensiv, it-tim Malti jrid ikollu attakkant u winger ta’ ċertu livell li jkun jista’ jikkompeti man-nazzjonijiet l-oħra. Ghedin seta’ dar għal Jurgen Degabriele, iżda qal li ma jridx itellef lit-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena.
Hu kkonkluda billi qal li mhux faċli biex xi ħadd jilgħab fil-livell internazzjonali għaliex irid il-fiżiċità u s-saħħa neċessarja.
Preżenti wkoll għal konferenza stampa kien hemm id-difensur Zach Muscat li wera ottimiżmu hekk kif qal li “id-dressing room taf li nistgħu noħorġu bil-punti. Nafu l-kapaċitajiet tagħna iżda r-riżultati ma kinux favurina.”
Muscat irringrazzja lil Pietro Ghedin talli tah iċ-ċans li jilgħab fit-tim nazzjonali u qal li huma mhux qed jaħsbu fuq id-deċiżjoni ta’ Ghedin, iżda qed jaħsbu biss fuq iż-żewġ logħbiet li jmiss.
//= $special ?>