Lokali

Persuna minn kull 3 timrad bil-kanċer – jitnieda l-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer

F’konferenza tal-aħbarijiet tnieda l-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer. Waqt it-tnedija, indirizzat lill-folla preżenti Miriam Dalmas – konsulent fil-qasam tas-Saħħa – fejn tkellmet dwar il-kawżi prinċipali tal-kanċer f’pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Chris Fearne qal li l-akbar fattur riskjuż għall-kanċer hija l-eta’ – u li għal din ma hemmx prevenzjoni. Madanakollu jista’ jsir aktar biex jiġu kkontrollati numru ta’ kontributuri oħra ewlenin għall-marda tal-kanċer, fosthom: it-tipjip, l-obesita’, l-akoħol u n-nuqqas ta’ eżerċizzju.

Hu stqarr li llum il-ġurnata l-mard infettiv m’għadux daqstant ta’ problema minħabba l-mediċini, iżda l-mard kroniku qed ikun kontributur kbir għall-ħajjiet li qegħdin jintilfu. Matul il-laqgħa, intqal ukoll li f’pajjiżna madwar 2,000 persuna oħra fis-sena jinstab li għandhom il-marda tal-kanċer, u madwar 900 persuna fis-sena titlef il-ġlieda kontra din il-marda.

Skont l-aħħar statistika, f’Malta persuna minn kull tlieta jimrad bil-marda tal-kanċer, filwaqt li meta taqbeż l-eta’ ta’ 65 sena l-possibilta’ tikber, hekk kif wieħed minn kull tnejn jimrad bil-marda tal-kanċer.