Internazzjonali

Polemika dwar ‘Che’ Guevara fil-Bolivja

 

Il-Gvern tal-Bolivja jinsab għaddej bi kwistjoni mal-veterani tal-Armata rigward il-50 anniversarju mill-mewt tar-rivoluzzjonarju Kuban, Ernesto ‘Che’ Guevara.

L-amministrazzjoni f’La Paz qed tippjana sensiela ta’ kommemorazzjonijiet, il-ġimgħa d-dieħla, fil-preżenza ta’ mistednin barranin, iżda kelliema għall-veterani li ġġieldu kontra l-qawwiet ta’ ‘Che’ qalu li mhumiex se jieħdu sehem fiċ-ċerimonji uffiċjali.

L-istess veterani tal-Armata qed jinsistu li, minflok, iridu jroddu ġieħ lin-nies ta’ Bolivja li tilfu ħajjithom fil-konflitt ta’ snin ilu. Intant, l-uffiċjali tal-Gvern Bolivjan qed jistennew li l-veterani jattendu għall-programm ta’ tifkiriet marbuta mal-avveniment.

‘Che’ Guevara, li jibqa’ fost l-aktar ideologi importanti ta’ Kuba, kien inqabad f’Ottubru tal-1968 u nqatel ftit wara mit-truppi tal-Bolivja. Ir-rivoluzzjonarju kien telaq minn Kuba biex iwaqqaf gruppi tal-gwerillieri fi bnadi oħra tal-Amerika Latina.