Lokali

FILMAT: Reazzjonijiet pożittivi għad-dokument ta’ qabel il-Budget

Il-Partit Nazzjonalista f'laqgħa mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali fl-MCESD

“B’dan id-dokument li ressaq il-Partit Nazzjonalista, qegħdin nuru pass ċar ta’ fejn irid imur pajjiżna” – stqarr dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa ma’ rappreżentanti tal-imsieħba soċjali.

Wara li fil-jiem li għaddew il-Partit Nazzjonalista nieda d-dokument ta’ qabel il-budget “A Sharing Economy”, fil-binja tal-Parlament, illum preżenta d-dokument lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.

Għal dan id-dokument, il-membri tal-imsieħba soċjali taw reazzjoni pożittiva ħafna – fejn uħud iddeskrivaw dan id-dokument li mhux biss hu validu għall-preżent, iżda jħares fit-tul u jolqot is-setturi kollha ta’ pajjiżna. Net News ħa l-kumment ta’ Arthur Muscat mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Marisa Xuereb mill-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija, Josef Vella mill-UĦM Voice of the Workers, Josef Bugeja mill-General Workers Union, u William Portelli mill-Konfederazzjoni għat-Trade Unions Maltin.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-ħidma tal-Oppożizzjoni fil-Parlament għandha tkun biex tara jekk verament dan is-surplus li l-Gvern tant qed jiftaħar bih, huwiex verament qed jasal għand in-nies.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ dan id-dokument mhux biss evalwa s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna – iżda ressaq il-proposti tiegħu għal Budget 2018. Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario De Marco, mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami u Membri Parlamentari oħra f’isem il-Partit Nazzjonalista.