Rex Tillerson, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, sejjaħ ħesrem konferenza tal-aħbarijiet biex jiċħad rapporti fil-midja Amerikana li kien se jirriżenja.
Skont rapport tal-istazzjon Amerikan NBC, Tillerson kien ukoll għajjar lill-President Amerikan Donald Trump.
Dan l-iżvilupp seħħ hekk kif din il-ġimgħa, Trump ikkontradixxa lil Tillerson rigward il-kriżi Koreana.
Fiwaqt li Tillerson, waqt żjara fiċ-Ċina, qal li kien inbeda djalogu mal-Korea ta’ Fuq fit-tama li tinstab xi forma ta’ kompromess, sigħat wara Trump ħareġ tweet fejn qal li Tillerson kien qed jaħli l-ħin jipprova jinnegozja ma’ “Little Rocket Man” – il-mod kif Trump sejjaħ lid-ditattur tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong un. Dan apparti tweets oħra li kienu jmorru kontra l-pożizzjoni ta’ Tillerson rigward ir-reġim ta’ Pyongyang.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tiegħu, Tillerson insista li hu qatt ma kien ikkunsidra li jirriżenja u faħħar ħafna lil Trump.
Tillerson jiċħad li se jirriżenja


