Nhar it-Tnejn, il-poplu Malti se jkun qed jistenna x’miżuri se jkunu qed jidħlu fis-seħħ fil-Budget 2018. Għaldaqstant In-Nazzjon tkellem mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali dwar is-sitwazzjoni ekonomika preżenti ta’ pajjiżna.
Josef Vella f’isem il-UĦM Voice of the Workers stqarr li r-reġistrar ta’ surplus ma jfissirx li dan il-ġid ekonomiku tqassam b’mod sew – partikolarment meta nafu li m’hawnx ugwaljanza fid-distribuzzjoni tiegħu.
F’isem il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin, William Portelli qal li hemm bżonn ta’ diskussjoni nazzjonali dwar il-livell ta’ kuntratti li qegħdin jingħataw lill-ħaddiema – hekk kif illum min iħaddem qed iħares f’riżultati ta’ malajr u mhux b’viżjoni għat-tul.
Arthur Muscat bħala rappreżentant tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem – insista li l-ħaddiema barranin huma ta’ bżonn għall-ekonomija tagħna – iżda staqsa jekk pajjiżna hux qed juża r-riżorsi tal-ħaddiema sew. F’isem il-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb qalet li llum l-ġurnata s-suq inbidel u min iħaddem sar iħares aktar fi żmien qarib.
Josef Bugeja għall-General Workers Union qal li għandna realta’ f’pajjiżna li qed twassal għal diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema. In-Nazzjon ħa l-kumment tar-rappreżentanti għall-imsieħba soċjali wara l-laqgħa fejn il-Partit Nazzjonalista preżentalhom id-dokument ta’ Qabel il-Budget ‘A Sharing Economy’.
//= $special ?>