Internazzjonali

Il-massakru f’Las Vegas: ‘Ma kenitx taf dwar il-pjani qattiela ta’ seħibha’

Pulizija quddiem il-post fuq fejn spara Paddock, ir-Route 91 Harvest Festival tul il-Las Vegas Boulevard f'Las Vegas, fl-Istat ta' Nevada. (EPA)

 

 

Il-ħabiba tal-armat li, nhar il-Ħadd, wettaq l-agħar sparatura fl-istorja moderna tal-Istati Uniti, qalet li hi ma kellha ‘l-ebda idea’ dwar il-pjani tar-raġel, li hi fissret bħala ‘persuna kwieta u ta’ qalb tajba’.

Il-kummenti ta’ Marilou Danley kienu pubblikati sigħat qabel il-Pulizija suġġeriet li Stephen Paddock – li nhar il-Ħadd fetaħ in-nar minn lukanda għal fuq folla nies preżenti għal kunċert f’Las Vegas, u fejn mietu 58 – ‘kien qiegħed jgħix ħajja sigrieta’.

Danley, intant, esprimiet xokk għall-aġir vjolenti ta’ Paddock iżda insistiet li ‘hu qatt ma taha xi indikazzjoni jew twissija dwar x’seta’ kien beħsiebu jagħmel’.

Il-Pulizija mhix teskludi li Paddock, li spiċċa joqtol lilu nnifsu b’idejh waqt li kienu qed javviċinawh il-qawwiet tas-sigurtà, seta’ kien qed jippjana biex jaħrab u li, fil-fatt, ma kellux l-intenzjoni ta’ suwiċidju. L-awtoritajiet intant, qegħdin janalizzaw l-informazzjoni dwar il-qtil tal-massa storiku meta ħadd ma jaf ir-raġuni eżatta għalfejn Paddock qabad jispara fuq in-nies waqt il-kunċert.

Skont l-aħħar żviluppi f’din l-investigazzjoni sar magħruf li l-Pulizija sabet aktar splussivi fil-karozza tal-qattiel, flimkien ma’ kwantità ‘inkredibbli’ ta’ munizzjon.

Jidher ukoll li Stephen Paddock kien involut fil-logħob tal-ażżard qabel l-isparatura.

Sadanittant, l-awtoritajiet huma mħassbin bil-fatt li Paddock – ġimgħa qabel l-isparatura — kien ibbukkja appartament f’sular għoli ta’ lukanda f’Las Vegas għal waqt open-air festival differenti fl-inħawi li fih kellhom idoqqu l-gruppi Muse, Lorde u Blink-182.

Madankollu, l-iskop ta’ Paddock u l-possibbiltà li hu kellu l-kompliċi fi pjan qattiel baqgħu misteru sal-bieraħ. Kelliema għall-FBI sostnew li għalissa ma nstabet l-ebda rabta mat-terroriżmu iżda l-aġenti se jkomplu jevalwaw kwalunkwe possibbiltà bħala parti mill-investigazzjoni kontinwa.