Kultura

Il-Palazz tal-Arċisqof jinfetaħ għall-Pubbliku fin-Notte Bianca

Il-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta nhar is-Sibt li ġej ser jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku, waqt is-serata tan-Notte Bianca.

Għal din l-okkażjoni, il-viżitaturi jistgħu jżuru ċ-ċisterni u l-għerien ta’ taħt il-Palazz, li fihom nixxiegħa ta’ ilma ġieri li ilu jgħaddej sa minn qabel ma nbniet il-Belt Valletta. Il-pubbliku ser ikun jista’ jgawdi wkoll il-ġnien tal-Palazz, ġnien mimli siġar taċ-ċitru u b’funtana tas-seklu sbatax. Dan hu l-uniku ġnien residenzjali tad-daqs tiegħu fil-qalba tal-belt kapitali.

Nhar is-Sibt ukoll ser jinfetħu l-kmamar kollha tal-piano nobile, fejn hemm kollezzjonijiet ta’ pitturi, skulturi u arti dekorattiva.

Il-Palazz tal-Arċisqof, li jagħmel parti mill-istorja soċjali u kulturali tal-Belt, inbena bejn l-1622 u l-1631 u għal kważi erba’ sekli serva bħala residenza tal-Isqof. L-aħħar Arċisqof li għex fih kien Monsinjur Mikiel Gonzi.

Il-Palazz ser ikun miftuħ mis-7:00 p.m. sa nofsillejl u l-prezz tad-dħul huwa b’xejn.