Lokali

Il-UĦM Voice of The Workers bil-proposti għall-budget 2018

Il-UĦM Voice of the Workers ippreżentat il-proposti tagħha għall-budget 2018.

Fost il-proposti hemm li kulħadd ikollu kuntratt tax-xogħol reġistrat, li jsir investiment favur il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, pensjonijiet aktar sostenibbli, titaffa l-problema tat-traffiku u jkunu ndirizzati l-inġustizzji fit-taxxa. Dawn huma biss uħud mit-temi proposti mill-UĦM.

Waqt konferenza tal-ahbarijiet ingħad kif il-UĦM ilha għal dawn l-aħħar tliet snin tipproponi l-użu tat-teknoloġija sabiex tenforza d-drittijiet bażiċi minimi stabbiliti minn diversi liġijiet tax-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella qal li qed jerġgħu jipproponu l-ħolqien ta’ koperattivi tal-ħaddiema li jħaddmu servizzi professjonali kif ukoll koperattivi ta’ ħaddiema oħrajn fl-għoti ta’ servizzi tas-saħħa lill-pazjenti.

Dwar il-pensjonijiet sostna li jemmnu li l-pożizzjoni fuq il-pensjonijiet tat-Tieni Pilastru hi pari passu mad-Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea tal-2016 li tipprovdi iżjed protezzjoni għall-pensjonijiet bażati fuq ix-xogħol.

Qed jipproponu wkoll ċentri tat-trasport permezz ta’ arranġamenti bejn il-Gvern u l-Privat. Dan jista’ jsir billi jinħolqu spazji għall-parkeġġ li jkunu provduti tul rotot stabbiliti mit-Tramuntana ta’ Malta san-Nofsinhar tal-gżira.

Dwar it-tfal fl-iskejjel il-union taħseb li jekk nagħtu lunch sustanzjuż b’xejn lit-tfal, inkunu qed neliminaw diversi ostakli. Dwar l-eżemijiet qed tipproponi li jkunu rranġati jew jinbnew swali fl-iskejjel biex jakkomodaw studenti mil-lokalita’ jew minn postijiet fil-viċin għall-eżamijiet.

Il-UHM tipporponi wkoll aġġustament mill-ġdid tal-faxex fit-taxxa tad-dħul billi jdaħħlu l-mekkaniżmu tal-Aġġustament għall-Għoli tal-Ħajja (COLA).

Dwar is-suq tal-propjeta’ qed jipproponu li propjetajiet li jkunu tħallew vakanti għal mhux inqas minn ħames snin, ikunu eżenti mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali. Propjeta’ mhux residenzjali m’għandhiex tkun kategorizzata taħt l-iskema tal-first-time-buyer.

Proposta oħra hi dwar il-btajjel pubbliċi. “Il-proposta sabiex jingħata kumpens għal numru ta’ vaganzi pubbliċi mnaqqsa, hi li jiżdied il-bonus annwali statutorju li jingħata lill-ħaddiema mal-paga bażika. Il-bonus addizzjonali għandu jitħallas mill-Gvern permezz ta’ ċekk maħruġ mit-Teżor.