Il-qawwiet tal-Gvern Iraqi ħatfu lura l-inħawi ta’ Hawija lill-ISIS, meta din il-belt kienet waħda mill-aħħar zoni fl-Iraq li kien għad fadal f’idejn it-terroristi.
Il-belt ta’ Hawija, fejn qed jgħixu eluf ta’ ċivili, kienet ilha taħt il-kontroll tal-ISIS mill-2014 u issa, it-terroristi fadlilhom biss ftit villaġġi lejn il-Lvant u medda ta’ art speċifika (fl-Iraq) li tmiss mal-fruntiera tas-Sirja.
Il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, qal lill-ġurnalisti li Hawija, issa, tinsab ‘liberata’, b’riżultat tal-offensiva kbira fuq l-ISIS li bdiet ġimgħatejn ilu,.
F’nofs il-ġimgħa, l-Armata tal-Iraq qalet li kienet qatlet madwar 200 militant tal-ISIS filwaqt li ħatfet lura għexieren ta’ villaġġi madwar Hawija.
Il-Ġeneral Iraqi, Abdel Amir Yarallah, li mexxa l-azzjoni, qal li t-truppi, il-pulizija u l-paramilitari kienu qed jikkonsolidaw il-preżenza tagħhom fiċ-ċentru f’Hawija. Is-suċċess militari segwa l-ħtif, aktar qabel, tal-bażi tal-ajru ta’ Rashad, mit-truppi Iraqqin, li kien qed jintuża bħala kamp għat-taħriġ tat-terroristi.
Meta tkellem ilbieraħ fi Franza, il-Prim Ministru Abadi fisser il-ħtif lura ta’ Hawija bħala ‘trijonf mhux biss għall-Iraq iżda għad-dinja kollha’.
//= $special ?>


