Il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Spanja sospendiet is-sessjoni tal-Parlament Katalan li kellha ssir nhar Tnejn, bil-għan li tostakola inizjattiva potenzjali għall-indipendenza tar-reġjun ta’ Katalonja.
Il-qorti qalet li pass bħal dan isir ‘b’abbuż tal-Kostituzzjoni’ wara li l-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, kien wissa diġà lill-Gvern reġjonali ta’ Katalonja biex ma jiddikjarax indipendenza. Intant, it-tensjoni bejn Madrid u Katalonja baqgħet fl-ogħla livell, bil-Mexxej Katlan, Carles Puigdemont, jindika li kien qed jaħseb biex joħroġ b’dikjarazzjoni dwar ‘Katalonja indipendenti’ sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.
Il-Qorti Kostituzzjonali, permezz tad-digriet, laqgħet l-isfida tal-Partit Soċjalista ta’ Katalonja li jopponi s-separazzjoni minn Spanja
Aktar qabel, il-Gvern ta’ Spanja kien insista li ma kellu jaċċetta l-ebda ‘rikatt’ b’referenza għall-aġir ta’ Puigdemont. L-amministrazzjoni f’Madrid insistiet biex Puigdemont jirritorna fit-triq tal-liġi qabel jistgħu jsiru n-negozjati mar-reġjun Katalan u wara li l-Kap Katalan kellu kliem iebes fil-konfront tar-Re Spanjol, Felipe, li fissru bħala bniedem ‘imbiegħed mir-realtà’.
L-uffiċjali Katalani qalu li 90 fil-mija tal-votanti li ħadu sehem fir-referendum tal-Ħadd dwar il-futur ta’ Katalonja appoġġjaw l-indipendenza tar-reġjun minn ma’ Spanja. L-organizzaturi tar-referendum iffissaw il-konkorrenza tal-votanti mat-42 fil-mija tal-poplu Katalan, bi 2.2 miljuni jeżerċitaw id-dritt għall-vot.
Madankollu ma naqsux rapporti ta’ irregolaritajiet fir-referendum karatterizzat bi vjolenza fost diversi konfronti mdemmija bejn il-pulizija u n-nies fil-postijiet tal-votazzjoni, waqt li l-Gwardja Ċivili pruvat tinforza d-deċiżjoni tal-Ogħla Qorti Spanjola biex ma ssirx il-votazzjoni f’Katalonja. Fl-inċidenti weġġgħu mad-900 persuna.
Min-naħa tiegħu, Carles Puidgemont attakka lir-Re Felipe wara li talaħħar tkellem fuq it-televiżjoni u fisser il-vot tal-Ħadd f’Katalonja bħala wieħed illegali u li jmur kontra d-demokrazija. Puigdemont qal li r-Re kien qed jinjora bi ħsieb lil miljuni ta’ Katalani waqt li akkuża lil Felipe b’li qed jaddotta l-pożizzjoni tal-Gvern ta’ Madrid. Il-Mexxej tal-Katalani anki ħeġġeġ għal medjazzjoni u sostna li r-Re Felipe kien ċaħad ir-rwol ta’ influwenza moderata li tippermettilu l-Kostituzzjoni ta’ Spanja.
Il-possibbiltà li Katalonja tiddikjara l-indipendenza b’mod unilaterali qed tittieħed b’serjetà kbira mill-intrapriżi u n-negozji Katalani. Fil-fatt, il-bord tal-Bank ta’ Sabadell (il-ħames l-akbar fi Spanja) iltaqa’ b’urġenza fejn iddiskuta t-trasferiment potenzjali tal-kwartieri ġenerali minn Barċellona. Intant, il-CaixaBank – istituzzjoni jerġa’ akbar’ – qed tikkunsidra pass simili li jaċċerta li (f’każ li Katlonja tinqata’ mill-bqija ta’ Spanja) tibqa’ fiz-zona ewro taħt is-superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew.
//= $special ?>

