Futbol Sport

Tazza tad-Dinja 2018 – L-Ingilterra u l-Ġermanja jistgħu jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni

Wara r-rebħiet fuq it-tim nazzjonali Malti u s-Slovakkja, l-Ingilterra jinsabu pass bogħod milli jassiguraw kwalifikazzjoni diretta għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla. Huma jilqgħu lis-Slovenja f’darhom konxji mill-fatt li jinsabu ħames punti fuq is-Slovakkja.

Jekk id-diskors fuq ir-rebħ tal-grupp hu kważi magħluq, il-kwistjoni dwar min se jispiċċa t-tieni għadha miftuħa beraħ. Bħalissa s-Slovakkja jinsabu punt fuq l-avversarji tagħhom l-Iskozja u s-Slovenja.
Minħabba li l-Ingilterra jibdew favoriti li jirbħu, is-Slovakkja tista’ tassigura t-tieni post jekk tegħleb lit-tim Skoċċiż. Fl-erba’ logħbiet kompetittivi li lagħbu din is-sena, l-Iskozja kisbet tliet rebħiet u draw biex reġgħet daħlet biċ-ċans li tikkwalifika għall-play-offs.

Minn Grupp Ċ, iċ-champions tad-dinja l-Ġermanja jistgħu jikkwalifikaw matematikament b’tal-anqas draw kontra l-Irlanda ta’ Fuq. Il-Ġermaniżi bħalissa jinsabu ħames punti vantaġġ b’żewġ logħbiet għat-tmiem, u minkejja li se jilagħbu barra minn darhom, huma jibdew favoriti.

L-Ażerbajġan qed ifittxu li jsaħħu t-tielet post b’konfront f’darhom kontra r-Repubblika Ċeka. Kif jinsabu l-affarijiet, iż-żewġ timijiet ma għandhomx ċans li jikkwalifikaw u lanqas għal play-offs, iżda l-Ażerbajġan iridu jippruvaw iżommu t-tielet post li jkun l-aqwa riżultat għalihom.
In-Norveġja jistgħu jieħdu vantaġġ minn dan il-konfront hekk kif jibdew favoriti netti li jiksbu r-rebħa kontra San Marino, tim li sa issa għadu mingħajr punt.

Il-konfront kontra l-Armenja hu importanti ħafna għat-tim Pollakk hekk kif qed jittamaw li jiksbu rebħa li tkompli tressaqhom jew saħansitra tassiguralhom posthom għat-Tazza tad-Dinja.

Il-leaders ta’ Grupp E jinsabu tliet punti vantaġġ fuq il-Montenegro u d-Danimarka li jilagħbu bejniethom. Il-konfront hu importanti għat-tnejn hekk kif telfa f’dan il-logħba, jista’ mhux biss ifisser it-tmiem tat-tamiet li jikkwalifikaw, iżda jistgħu jitilfu t-tieni post li jfisser post fil-play-offs.

Fil-logħba l-oħra, ir-Rumanija jibdew favoriti li jiksbu t-tielet rebħa fil-grupp. Huma se jilagħbu f’darhom kontra l-Każakistan, tim li għadu mingħajr rebħa.

Illum
Grupp Ċ

Ażerbajġan v Rep. Ċeka 18.00
Irlanda ta’ Fuq v Ġermanja 20.45
San Marino v Norveġja 20.45

Grupp E
Armenja v Polonja 18.00
Montenegro v Danimarka 20.45
Rumanija v Każakistan 20.45

Grupp F
Ingilterra v Slovenja 20.45
Malta v Litwanja 20.45
Skozja v Slovakkja 20.45