Futbol Sport

Tazza tad-Dinja 2018 – Malta tikseb l-ewwel punt b’mod meritat

B’wirja pożittiva, Malta ħadet punt mill-konfront kontra l-Litwanja (Ritratti - Trevor Sollars)

Stewart Said

MALTA…………1
LITWANJA…….1

Finalment jasal l-ewwel punt għat-tim nazzjonali Malti wara li l-plejers Maltin spiċċaw 1-1 kontra l-Litwanja. Punt meritat hekk kif fl-ewwel taqsima u fl-aħħar nofs tat-tieni taqsima t-tim Malti kien aħjar, bil-Litwanja jisfruttaw wieħed mill-ftit okkażjonijiet li kellhom fil-bidu tat-tieni taqsima.

Kollox ma’ kollox, kienet wirja pożittiva mit-tim Malti li għal ħafna mil-logħba qasam sew il-logħob mal-avversarji u kellu wkoll azzjonijiet perikolużi lejn il-lasta. Partita tajba għal diversi plejers fosthom Andrei Agius li minbarra l-gowl, qegħda dmiru sew quddiem id-difiża. Fuq in-naħa l-oħra, Alfred Effiong kien fqir fl-attakk fejn naqas li jżomm il-ballun biex jagħti ċans lil sħabu jitilgħu filwaqt ftit rebaħ blalen.

Il-kowċ Pietro Ghedin għamel tliet bidliet mit-telfa kontra l-Iskozja. Ryan Camilleri reġa’ daħal fid-difiza u beda flok Sam Magri, b’Steve Borg jibda bħala difensur ċentrali. Paul Fenech u Luke Gambin bdew f’nofs il-grawnd flok l-imweġġa’ Bjorn Kristensen u s-sospiż Ryan Fenech.

Il-Litwanja ħolqu l-ewwel periklu wara tmien minuti meta Arvydas Novikovas irċieva ballun wara li għeleb in-nasba tal-offside u krossja fil-baxx għan-nofs, iżda ma sab lil ħadd minn sħabu u d-difiża Maltija begħdet il-periklu. Novikovas reġa’ kien perikoluż għaxar minuti wara bl-ewwel konklużjoni tal-logħba lejn il-lasta, iżda Andrew Hogg u salva l-konklużjoni insidjuża fil-baxx.

It-tim Malti beda jistejqer u beda jersaq lejn il-lasta avversarja. Kien fit-22 minuta li t-tim Malti mar fil-vantaġġ meta Andrei AGIUS irċieva ballun minn tarf iċ-ċirku ta’ nofs il-grawnd, tefa’ l-ballun quddiemu u b’xutt b’saħħtu li baqa’ baxx għeleb lil Zubas, li seta’ biss imiss il-ballun.

Il-Litwanja kienu għoddhom ġabu d-draw mill-ewwel, b’Novikovas jikkrossja lejn Deivydas Matulevicius li xellef il-ballun u laqat il-wieqfa, b’Hogg jiġbor il-ballun. It-tim Malti kompla jikkontrolla tajjeb sa tmiem l-ewwel taqsima, b’mumenti ta’ pussess tajjeb.

It-tim ta’ Jankauskas ġab id-draw fit-53 minuta meta Vykintas SLIVKA irċieva ballun f’pożizzjoni ċentrali, u b’xutt ftit djagonali għar-rokna għeleb lil Andrew Hogg. Il-Litwanja kellhom kontroll tal-logħba u reġgħu kienu perikolużi mas-siegħa logħob, bi free-kick ta’ Novikovas li impenja lil Hogg, bil-gowlkiper Malti jdawwar f’korner.

Ir-reazzjoni tat-tim Malti waslet fil-65 minuta b’azzjoni personali ta’ Luke Gambin li ntemmet b’xutt minn barra l-kaxxa, li iżda ma nkwadratx il-lasta. Il-Maltin resqu qrib seba’ minuti wara bi free-kick minn pożizzjoni ċentrali ta’ Clayton Failla indirizzat lejn ir-rokna, iżda Zubas salva fil-ħin b’id waħda.

Azzjoni oħra perikoluża fid-79 minuta, b’Zubas idawwar f’korner daqqa ta’ ras ta’ Paul Fenech wara free-kick mil-lemin ta’ Failla. Il-Litwanja ma kinux perikolużi fl-aħħar minuti, bit-tim Malti jikkontrolla tajjeb.