Futbol Sport

Tazza tad-Dinja 2018 – Spanja u l-Italja m’għandhomx ifallu

Plejers ta’ Spanja waqt it-taħriġ qabel il-partita kontra l-Albanija

Il-Ġimgħa jintlagħab programm ieħor mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u kemm Spanja kif ukoll l-Italja mhux suppost ifallu milli jieħdu t-tliet punti mill-konfronti rispettivi tagħhom.

Spanja tilgħab f’darha kontra l-Albanija filwaqt li l-Italja tilgħab f’darha kontra l-Maċedonja.
F’Ottubru li għadda l-Ispanjoli kienu rebħu 2-0 barra minn darhom kontra l-istess Albanija filwaqt li t-Taljani dakinhar tħabtu aktar milli kien mistenni biex rebħu 3-2.

Dakinhar kien spikka Immobile li skurja doppjetta għall-Italja u l-istess plejer se jkun wieħed minn dawk fl-iskwadra tal-lejla.

Plejer li minkejja li għaddej minn forma mill-aqwa u mhux inkluż fit-tim hu l-attakkant Simone Zaza. Zaza, li għandu 26 sena dan l-istaġun qed jilgħab ma’ Valencia u magħhom s’issa skurja ħames gowls f’sitt partiti fil-kampjonat.

Ventura ħalla wkoll barra lill-winger ta’ Fiorentina Federico Chiesa u l-midfielder ta’ Inter Roberto Gagliardini. Plejer li kien mgħajjat għall-ewwel darba mal-Italja f’Marzu li għadda u li reġa’ ġie inkluż fit-tim hu Simone Verdi ta’ Bologna.

Għall-ewwel darba Ventura sejjaħ lill-plejer ta’ Cagliari Nicolo Barella li se jkun qed jieħu post il-midfielder ta’ PSG Marco Verratti li jinsab imweġġa’.

Barella, li għandu 20 sena se jkun qed jingħaqad ma’ Roberto Inglese ta’ Chievo li minn naħa tiegħu se jieħu post Andrea Belotti ta’ Torino li weġġa’ fi tmiem il-ġimgħa. Riżultat ta’ din l-injury Belotti se jdum barra madwar erba’ ġimgħat.

Ta’ min jiftakar li l-Italja, wara li tilfet 3-0 kontra Spanja issa ma tistax tikkwalifika b’mod dirett għat-Tazza tad-Dinja u hekk kif fadal żewġ partiti din tista’ tikkwalifika għall-play-offs.
Spanja, li tinsab fil-quċċata tal-grupp se tkun mingħajr l-attakkant David Villa li tħalla barra mit-tim.
F’Settembru, kontra kull mistenni, David Villa, li hu l-aqwa skorer fl-istorja ta’ Spanja kien mgħajjat mat-tim imma din id-darba tħalla barra. Xahar ilu Villa sofra injury u tilef xi partiti ma’ New York City imma rritorna għal logħob. Madankollu l-kowċ nazzjonali dehrlu li Villa għadu mhux fl-aqwa kundizzjoni biex jilgħab f’dawn iż-żewġ partiti li jmissha Spanja. Plejers oħra li tħallew barra mit-tim huma l-koppja ta’ Manchester Utd Ander Herrera u Juan Mata.
Minflok, Lopetegui sejjaħ lil Jose Callejn ta’ Napoli biex jifforma parti mill-iskwadra magħmula minn 25 plejer. Spanja se jkollhom jgħaddu mingħajr id-difensur ta’ Real Dani Carvajal, il-captain ta’ Barcelona Andres Iniesta u l-attakkant ta’ Chelsea Alvaro Morata li kollha huma mweġġgħin.

F’partita valida minn Grupp I l-Kroazja tilgħab kontra l-Finlandja. Il-Kroati bħalissa jinsabu fil-quċċata flimkien mal-Iżlanda hekk kif it-tnejn li huma għandhom 16-il punt.
Il-Kroati se jkollhom jgħaddu mingħajr l-attakkant ta’ Milan Nikola Kalinic li weġġa’ nhar il-Ħadd li għadda fil-konfront kontra Roma. L-attakkant lagħab 79 minuta f’San Siro imma wara ġie żvelat li kien ħa l-mediċina biex ikun jista’ jilgħab il-logħba.

B’hekk, l-eksplejer ta’ Fiorentina mhux biss se jitlef il-partita ta’ llum imma anke dik ta’ ftit jiem oħra kontra l-Ukrajna.

Wales, li jinsabu fit-tieni post ta’ Grupp D jilagħbu barra minn darhom kontra l-Ġorġja. Dawn se jittamaw mhux biss f’rebħa imma anke f’żelqa minn naħa tas-Serbja li jilagħbu barra minn darhom kontra l-Awstrija. Bħalissa s-Serbja għandhom erba’ punti aktar minn Wales.

Dawn tal-aħħar se jkollhom jgħaddu mingħajr Gareth Bale. Nhar il-Ħadd li għadda Bale ma lagħabx fil-partita bejn Real Madrid u Espanyol u jum wara ngħaqad mat-tim nazzjonali imma ġie deċiż li ma jivjaġġax mal-kumplament tal-iskwadra li se tmur il-Ġorġja. Minflok Bale issa se jkun hemm l-attakkant ta’ Barnsley Tom Bradshaw.

Il-fatt li Bale se jkun nieqes għal Wales hu daqqa ta’ ħarta meta wieħed jikkunsidra li l-eksplejer ta’ Tottenham skurja erba’ gowls fil-fażi tal-gruppi. Ta’ min jinnota li sa mill-2013 Wales qatt ma rebħu logħba li fiha ma lagħabx Bale. Huma ġew draw tliet darbiet u tilfu tliet darbiet fis-sitt drabi li lagħbu mingħajr Bale.

Wales se jkunu qed jippruvaw, li għall-ewwel darba sa mill-1958, jilagħbu fit-Tazza tad-Dinja.

Jekk kemm-il darba Wales jispiċċaw fit-tieni post jgħaddu għall-play-offs. Tmien timijiet li jispiċċaw fit-tieni post se jilagħbu fil-play-offs u minn dawn ikunu erba’ timijiet li jikkwalifikaw għall-fażi finali fir-Russja.

Amavi minflok Kurzawa fl-iskwadra Franċiża
Id-difensur ta’ Marseille Jordan Amavi ġie mgħajjat għall-ewwel darba ma’ Franza biex jieħu post il-plejer ta’ PSG Lavyin Kurzawa li hu mweġġa’. Kurzawa weġġa’ rkopptu meta kien waqt sessjoni ta’ taħriġ ma’ sħabu tan-nazzjonal u b’hekk mhux se jilgħab fiż-żewġ partiti li jmissha Franza kontra l-Bulgarija u l-Belarus.

Nhar is-Sibt li ġej Franza, li sena ilu waslu sal-finali tal-Kampjonat Ewropew jilagħbu kontra l-Bulgarija.

Amavi bħalissa jinsab misluf lil Marseille mingħand Aston Villa. Il-plejer ta’ 23 sena qatt ma libes il-flokk ta’ pajjiżu imma kien wieħed mill-plejers regolari fit-tim ta’ taħt il-21 sena.
Ta’ min jiftakar li Franza se jkollhom jgħaddu wkoll mingħajr Benjamin Mendy, Laurent Koscielny, Paul Pogba u Ousmane Dembele.

Franza qegħdin fl-ewwel post ta’ Grupp A meta fadal żewġ partiti imma jinsabu f’riskju li jitilfu l-ewwel post għax l-Iżvezja qegħdin punt taħthom.

Il-Belġju mingħajr Lukaku
L-attakkant ta’ Manchester United Romelu Lukaku li għaddej minn forma mill-aqwa se jitlef il-logħba tas-Sibt li ġej kontra l-Bożnija imma jista’ jirkupra għal logħba ta’ ġimgħa oħra kontra Ċipru. Dan minħabba injury li sofra fl-għaksa.

Madankollu n-nuqqas ta’ Lukaku għall-Belġju m’għandux ikun daqstant problema minħabba li t-tim immexxi minn Roberto Martinez hu diġa’ ċert minn post fill-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja.

Il-Programm
Il-Ġimgħa
Grupp D

Ġorġja v Wales
Awstrija v Serbja
Irlanda f Moldova

Grupp Ġ
Italja v Maċedonja
Liechtenstein v Iżrael
Spanja v Albanija

Grupp I
Kroazja v Finlandja
Kosovo v Ukrajna
Turkija v Iżlanda