Futbol Sport

TAZZA TAD-DINJA – L-Urugwaj, il-Paragwaj u l-Arġentina jingħaqdu biex jorganizzaw l-edizzjoni tal-2030

L-Arġentina, il-Paragwaj u l-Urugwaj ingħaqdu biex flimkien se jitfgħu l-kandidatura biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tal-2030.

Fl-2030 se jkun proprju l-mitt sena anniversarju sa minn meta bdiet issir it-Tazza tad-Dinja. L-ewwel edizzjoni kienet saret fl-1930 fl-Urugwaj.

Il-President tal-Paragwaj Horacio Cartes qal li fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru it-tliet pajjiżi se jkollhom l-ewwel laqgħa fejn se jippjanaw il-kandidatura tagħhom.

Hu mifhum li l-fatt li l-Urugwaj kien organizza l-ewwel edizzjoni se jkun fattur li jgħin lill-istess pajjiż jirbaħ id-dritt li jorganizza l-edizzjoni ta’ mitt sena wara.

Ta’ min jiftakar li l-Istati Uniti, l-Messiku u l-Kanada huma favoriti li jirbħu d-dritt li flimkien jorganizzaw l-edizzjoni tal-2026. Fl-2026 se jieħdu sehem 48 tim minflok 32.

Ta’ min jiftakar ukoll li sena oħra t-Tazza tad-Dinja se ssir fir-Russja filwaqt li t-Tazza tad-Dinja tal-2022 se ssir fil-Qatar.