Lokali

Bosta jappoġjaw il-liġi proposta tas-Sammaritan it-Tajjeb imressqa mill-PN

Wara li l-Partit Nazzjonalista propona l-liġi magħrufa bħala l-Liġi Tas-Sammaritan it-Tajjeb – kienu bosta dawk li taw reazzjoni pożittiva għal din il-proposta.

Fost id-diversi kummenti pożittivi minn entitajiet differenti, tkellem Josef Vella f’isem il-UĦM Voice of the Workers.

F’intervista fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia spjega li fil-preżent, jekk hemm persuna li tinsab f’periklu u għandha bżonn l-għajnuna – il-liġi ma tagħtix id-dmir lil min ikun madwaru biex jgħinu. Anzi jekk dak il-persuna li jagħmila ta’ Sammaritan it-Tajjeb u jmur jgħin lil min hu fil-bżonn u għal xi raġuni mhux intenzjonalment iweġġa’ lil dak li hu fil-bżonn – dan hu legalment responsabbli, u din iżżomm lil ħafna lura milli jgħinu.

Din it-tip ta’ liġi diġa’ teżisti f’diversi pajjiżi Ewropej oħra, fejn tagħti protezzjoni u tinkoraġġixxi l-għajnuna għal min hu fil-bżonn.

Kien id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech li ressaq Private Members Bill biex tingħata protezzjoni bil-liġi lil dawk li jagħtu l-għajnuna lil min hu fil-bżonn.