Lokali

Cardona jagħti pożizzjonijiet ġodda għal tnejn tal-qalba

Iż-żewġ persuni li kienu akkumpanjaw lil Chris Cardona f'Dubaj meta kienu ntefqu €750 mit-taxxi tan-nies f'xorb alkoħoliku minn minibar, ingħataw pożizzjonijiet ġodda mill-istess Chris Cardona

Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ta pożizzjonijiet ġodda lil tnejn mill-aktar persuni viċini tiegħu, skont artiklu fil-gazzetta Times of Malta.

Waħda mill-pożizzjonijiet ingħataw lil Mario Azzopardi, dak li fl-aħħar leġiżlatura Laburista kien il-Kap tas-Segretarjat Privat ta’ Chris Cardona. Issa, Azzopardi ġie appuntat konsulent ta’ Chris Cardona.

Min-naħa l-oħra, is-segretarja privata ta’ Chris Cardona, Dana Farrugia, ġiet appuntata membru tal-bord tal-Malta Enterprise. Il-Malta Enterprise hija l-aġenzija tal-Gvern li għandha l-irwol li ġġib l-investiment lejn Malta.

Fl-artiklu tagħha, il-gazzetta The Times qalet li talbet informazzjoni dwar kemm qed jitħallas Mario Azzopardi fil-pożizzjoni ġdida tiegħu, iżda ma ngħatawx risposti.

The Times fakkret li kemm Mario Azzopardi kif ukoll Dana Farrugia huma ż-żewġ persuni li kienu akkumpanjaw lil Chris Cardona tlett ijiem f’Dubaj, fuq impenn tal-Gvern li wara kien instab li ntefqu mas-€750 mit-taxxi tan-nies f’xorb alkoħoliku minn minibar ta’ kamra ta’ lukanda.

Intant, jirriżulta li apparti Dana Farriga, anke l-eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ngħatat pożizzjoni fuq il-bord tal-Malta Enterprise. Din hi pożizzjoni apparti mill-pożizzjoni ta’ konsulent legali għall-Awtorità tal-Artijiet.